Saturday, March 1, 2025

MISTMERRA ATTAKKI FUQ IL-ĠURNALISTI

Aqra wkoll

Il-mezzi tal-istampa u x-xandir huma meqjusa bħala r-raba’ pilastru tad-demokrazija. Huwa importanti daqs it-tliet pilastri l-oħra, l-eżekuttiv, il-leġiżlattiv u l-ġudikatura. Dawn l-erba’ pilastri li fuqhom isserraħ id-demokrazija. Jekk xi wieħed minnhom jiġi mxellef tkun qed tixxellef id-demokrazija.

Għalhekk filwaqt li għandu jkun hemm is-salvagwardji kollha biex l-istampa tibqa’ ħielsa u b’saħħitha b’danakollu qatt ma jista’ jiġu aċċettati istanzi fejn il-libertà tal-istampa tiġi abbużata. Lanqas ma jiġi aċċettat f’soċjetà demokratika li ġurnalisti jiġu attakkati jew mhedda waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Dan għaliex il-ġurnalisti għandhom ikollhom il-libertà li jwasslu lill-pubbliku b’mod korrett u veritier dak li jkun għaddej fil-mument. U għaldaqstant m’għandhomx jiġu mfixkla fix-xogħol tagħhom. Għalhekk l-ebda theddid m’għandu jwaqqaf ix-xogħol importanti li jwettqu l-ġurnalisti ta’ kuljum.

Il-ġurnaliżmu llum għandu importanza qawwija fil-ħajja tan-nies. Li kieku ma jkunux il-ġurnalisti mxerrdin madwar id-dinja li jwasslu l-aħbar ta’ dak li jkun qed jiġri, kieku l-pajjiżi jiġu iżolati u ħadd ma jkun jaf x’qed jiġri eżattament fihom. Dan japplika wkoll għall-qasam lokali fejn ta’ kuljum il-poplu jkun informat b’dak li jkun għaddej f’kull ħin u mument.

Il-ġurnalisti huma ħaddiema bħall-oħrajn u għalhekk jeħtieġ li jkunu protetti huma wkoll bir-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Għalhekk huwa dmir is-soċjetà li timmatura aktar u tapprezza l-isforzi li jagħmlu l-ġurnalisti biex iwasslu l-aħbar malajr kemm jista’ jkun, f’xi drabi anke b’riskju għalihom infushom u għas-sigurtà tagħhom. Dan għaliex jekk is-soċjetà ma tagħrafx dan, ma tkunx qed tagħraf l-eżistenza u ddgħajjef wieħed mill-erba’ pilastri importanti ta’ soċjetà demokratika ċivilitazzata.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport