Raġel ta’ 49 sena residenti l-Pietà nżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli bil-pussess u t-traffikar tad-droga. Huwa allegatament kien inqabad b’60 gramma kokaina u sitt grammi eroina, liema droga kienet lesta biex tiġi ttraffikata.
Jason Zammit kien mixli wkoll li għamel użu ħażin minn tagħmir ta’ komunikazzjoni elettronika, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li sar riċediv.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat kif l-Erbgħa li għadda, il-Pulizija kienet irċeviet rapport li persuna setgħet kienet qiegħda tittraffika d-droga minn appartament fil-Gżira. Meta l-Ħamis filgħodu l-pulizija daħlu fir-residenza tal-imputat kienu sabuh rieqed bid-droga maġenbu.
Zammit wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba minħabba li għad baqa’ diversi xhieda li għad iridu jixhdu.
Il-Qorti preseduta mll-Maġistrat Nadine Sant Lia, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant l-imputat baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Francesco Mizzi flimkien mal-Avukat Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Matthew Xuereb dehru għall-imputat.