Tuesday, November 26, 2024

Mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ raġel f’Paceville

Aqra wkoll

Tork ta’ 30 sena nżamm arrestat wara li ġie mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ raġel u li żamm sikkina m’għonq ieħor f’Paceville.

Adem Katircioglu ġie mixli wkoll li ħebb u kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq il-vittma, li kkawżalu biża’ li se tintuża vjolenza kontrih, li ġarr sikkina mingħajr liċenzja, li kiser il-paċi pubblika u li kiser il-kundizzjonijiet ta’ sentenza sospiża li ngħata fl-2021.

L-Ispettur Nico Zammit, li mexxa l-Prosekuzzjoni, spjega fil-Qorti kif l-uffiċjali tal-pulizija kienu ntalbu jassistu wara rapport li persuna qala’ daqqiet ta’ sikkina. Il-każ allegatament seħħ fit-12 ta’ Novembru li għadda, għall-ħabta tal-5.00 a.m., bil-pulizija jsibu żewġ skieken fil-pussess tal-imputat.

“Il-filmati tas-CCTV urew biċ-ċar li l-imputat ried joqtol lill-vittma,” qal l-Ispettur li żied jgħid li raġel ieħor kien imbagħad avviċina lill-pulizija biex jirrapporta li l-imputat kien allegatament għamillu sikkina m’għonqu fl-istess jum. 

L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu iżda baqa’ miżmum taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.

L-Avukat Leontine Calleja dehret għall-imputat. 

Sport