Wednesday, October 9, 2024

Mixli li bagħat fuq elf messaġġ lill-eks sieħba u li taha fastidju

Aqra wkoll

Taljan ta’ 54 sena tressaq il-Qorti, fejn kien mixli li ta fastidju lill-eks sieħba tiegħu u li bagħtilha diversi messaġġi. Huwa kien mixli wkoll li kkawża biża’ fuq l-eks sieħbau li kien reċidiv.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Sherona Buhagiar spjegat li fl-aħħar ta’ Awwissu ta’ din is-sena, it-Taqsima tal-Vjolenza Domestika irċeviet rapport mingħand il-vittma, fejn spjegat li kienet f’relazzjoni mal-imputat u li r-relazzjoni tagħhom intemmet fid-29 ta’ Diċembru tal-2023.

Mat-Taqsima tal-Vjolenza Domestika, il-vittma spjegat li minn dakinhar lil hawn, allegatament l-imputat baqa’ jikkuntatjaha permezz ta’ apps differenti. Hija kienet qaltilhom li mhux darba jew tnejn li kien iċempillha ta’ spiss fi ftit minuti.

Il-vittma qalet li l-imputat ġieli kien imur wara l-bieb tad-dar tagħha u jibgħat lit-tifla tal-vittma sabiex din tikkonvinċi lil ommha sabiex toħroġ tkellmu.Fil-Qorti, ġie spjegat li minn tfittxija illi saret fid-dar tal-imputat, instab li kellu iktar minn 20 sim card.

Id-Difiża mmexxija mill-avukat Lennox Vella għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet oġġezzjonata ġie miċħuda mill-Prosekuzzjoni. Min-naħa tagħha, id-Difiża staqsiet għaliex il-vittma damet tant biex għamlet rapport jekk l-allegati reati ilhom jitwettqu minn Jannar.

Hi argumentat li l-Qorti għandha l-għodda biex il-vittma tkun protetta jekk l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest. Qalet li l-akkużat jaf li jekk jikser ordni ta’ protezzjoni se jispiċċa fil-ħabs u li dan japplika għal jekk iċemplilha jew jibagħtilha messaġġ.

Il-Prosekuzzjoni qalet li dan mhuwiex każ ta’ ftit messaġġi iżda eluf ta’ telefonati u messaġġi. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tad-Difiża u tal-Prosekuzzjoni, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Victor Axiak, ċaħad it-talba tad-Difiża, dik li l-imputat jingħata l-ħelsien mill-arrest.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport