Monday, May 13, 2024

Mixli li darab lill-eks sieħba u n-neputija tiegħu

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 29 sena minn Bormla ġie mixli li weġġa’ gravi lill-eks sieħba tiegħu wara li din marret wara l-bieb tad-dar tiegħu waqt li s-sieħba attwali kienet fuq ġewwa.

Ir-raġel tressaq quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo mixli li darab lill eks sieħba, li tiġi omm uħud minn uliedu, kif ukoll li weġġa’ ħafif lin-neputija tiegħu ta’ 15-il sena fl-għassa tal-pulizija u li heddidhom.

L-Ispettur Christian Cauchi, li qed imexxi l-Prosekuzzjoni flimkien mal-Avukat Alessia Schembri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, spjega fil-Qorti kif l-allegata vittma kienet marret tagħmel rapport fl-għassa l-Ħadd filgħaxija u wiċċha kien miksi bid-demm.

Hija kienet qalet lill-pulizija li meta marret biex tiġbor lil uliedha mid-dar ta’ omm l-imputat, innutat il-karozza tal-mara l-oħra pparkjata fuq barra. Wara li ħabbtet mal-bieb ta’ barra, omm l-imputat allegatament fetħitilha u laqtitha f’rasha bil-mobile tagħha.

Kien hawn fejn allegatament ħareġ l-imputat u taha daqqa ta’ minkeb f’wiċċha bil-konsegwenza li qasmilha xufftejha. Imbagħad hija marret l-għassa akkumpanjata min-neputija tal-imputat.

Fil-Qorti, l-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest fejn argumentat li l-inċident kien ikkawżat minħabba l-għira tal-allegata vittma wara li marret fir-residenza ta’ ommu meta suppost ma kellhiex tagħmel dan.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat li l-imputat jingħata l-libertà proviżorja minħabba li għad fadal diversi persuni li għad iridu jixhdu. L-Ispettur Cauchi kkonferma wkoll li l-pulizija kienet se tressaq lill-allegata vittma l-Qorti fuq akkużi li kkaġunat feriti ta’ natura ħafifa, iżda mhux b’arrest.

Il-Maġistrat Bartolo iżda laqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €1,500 u garanzija personali ta’ €3,500.

L-Avukati Roberto Montalto u Matthew Xuereb deher għar-raġel.

Sport