Raġel ta’ 42 sena residenti Marsaskala nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli li kiser ordni ta’ trażżin wara li saq fuq il-vettura tal-eks sieħba tiegħu.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Antonello Magri spjegat li l-każ seħħ f’Ottubru, meta l-vittma għamlet rapport fl-għassa ta’ Bormla, fejn spjegat li l-imputat kiser ordni ta’ protezzjoni.
Hija spjegat li meta ħarġet minn darha, innutat it-tyres tal-vettura tagħha mifqugħin. Qalet ukoll li sakemm kienet fuq il-post flimkien ma’ binha, ir-raġel saq għal fuq il-vettura tagħha. Intqal ukoll li iben il-vittma, mar jipprova jkellmu u li meta resaq mal-karozza tal-imputat, dan allegatament kellu sikkin fuq is-seat tal-passiġġier.
Quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo, l-imputat Renald Heymen wieġeb li mhuwiex ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, bid-Difiża mmexxija mill- Avukati Marisa Mifsud u Lennox Vella tagħmel talba għall-ħelsien mill-arrest. L-istess talba sabet oġġezzjoni mill-Prosekuzzjoni minħabba li l-imputat allegatament kiser ordni ta’ probation u ta’ protezzjoni filwaqt li rrimarkat li l-vittma għadha trid tixhed.
Il-Maġistrat Rizzo ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-imputat jinżamm arrestat fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Carmeli, wara li semgħet kif fl-aħħar ġimgħat huwa kien taħt il-kura ta’ speċjalisti u kien qed jingħata wkoll għajnuna għall-vizzju li għandu tax-xorb.