Wednesday, April 24, 2024

Mixli li pprova joqtol lil martu wara li ħebb għaliha b’formatur

Aqra wkoll

Raġel ta’ 54 sena residenti Ħaż-Żabbar inżamm arrestat wara li ġie mixli li pprova joqtol lil martu wara li ħebb għaliha b’formatur. L-allegat każ seħħ nhar il-Ġimgħa li għadda, għall-ħabta tas-7.20 a.m., f’residenza f’Ħaż-Żabbar. 

Ir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ġie mixli wkoll li kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq martu u li żammha kontra l-volontà tagħha.

Fil-Qorti ħareġ li l-Pulizija kienu rċevew rapport li kien hemm mara msakkra f’kamra ġewwa r-residenza tagħha u li r-raġel allegatament kien qed jheddidha b’arma li taqta’.

Meta l-Pulizija marru fuq il-post, sabu lill-mara mixħuta mal-art fejn kien hemm ukoll xi dmija u sabet ukoll tliet irġiel mgħannqin ma’ xulxin – it-tfal tal-allegat vittma u żewġha. 

Il-Prosekuzzjoni spjegat kif it-tfal tal-allegat vittma stqarrew mal-Pulizija li kienu raw lil missierhom iħebb għal ommhom b’formatur. It-tfal informawhom ukoll li missierhom kien ibati minn skiżofrenija. 

Kien it-Tnejn li għadda meta l-missier ġie rilaxxat mill-Isptar Monte Carmeli u dakinhar ġie interrogat mill-Pulizija fejn ma wieġeb għall-ebda domanda li saritlu. 

Huwa tressaq il-Qorti llum fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu iżda baqa’ jinżamm arrestat wara li ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, irrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex sakemm ikun detenut l-imputat, huwa jinżamm fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Carmeli.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni minħabba li qieset li għandha tipprovdi għas-sigurtà tal-parte civile f’dawn il-proċeduri. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjuna mill-Ispetturi Sherona Buhagiar u Darryl Farr.

L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għall-imputat. L-Avukati Franco Galea u Licia Cordina dehru għall-allegata vittma. 

Sport