Illum il-ġurnata, il-bidliet soċjali u l-ħtiġijiet tan-nies welldu realtajiet ġodda, saħansitra anke forom differenti ta’ familji. Irrispettivament mill-forma tagħha, il-familja tibqa’ l-fus li fuqu tinbena kull soċjetà. Tibqa’ wkoll il-pedament sod għall-formazzjoni tal-ulied.
F’dan il-kuntest, huwa importanti li nibqgħu nisħqu fuq il-ħtieġa li l-ekonomija tirrispondi għall-ħtiġijiet soċjali. Għalhekk huwa kruċjali li l-ekonomija tkun b’saħħitha u tibqa’ sostenibbli għat-tul ta’ żmien, billi ċ-ċirkostanzi tas-soċjetà jinbidlu minn żmien għall-ieħor.
Il-progress soċjali jiġi mkejjel b’kemm in-nies jiġu megħjuna mill-istat, fejn ma jkunux jistgħu jaslu bil-mezzi tagħhom. B’danakollu, l-Istat għandu jibqa’ jagħraf ċertu sitwazzjonijiet li jsibu ruħhom fihom setturi tas-soċjetà.
Kien proprju għalhekk għaqli l-pass li mistenni jittieħed, kif stqarr il-Prim Ministru, għal diskussjoni biex tkun introdotta miżura ġdida li tkopri l-leave għal dawk in-nisa li sfortunatament ma jwasslux it-tqala tagħhom sat-tmiem tagħha. Dan il-leave japplika wkoll għal dawk il-koppji miżżewġin. Nemmnu li din hija inizjattiva b’saħħitha li se tagħmel differenza fil-kwalità tal-ħajja tal-koppji, partikolarment tan-nisa.
Din il-miżura innovattiva se tkompli mal-bosta miżuri li diġà ġew introdotti li jolqtu direttament lin-nisa u l-istudenti, fosthom l-għoti ta’ prodotti sanitarji b’xejn anke fl-iskejjel. Barra dan hemm ukoll l-emendi li ddaħħlu fil-liġi sabiex il-Leave Urġenti tal-Familja jiżdied għal erbat ijiem minn 15-il siegħa kif kien qabel. Din il-miżura ma tapplikax biss għall-ħaddiema full time imma se tkopri wkoll pro-rata lill-ħaddiema b’impjieg part-time.
Għandna għax nifhmu illi din iż-żieda fil-leave u miżuri bħal dawn, mhux biss se tagħmel differenza pożittiva f’ħajjet il-familji iżda se ġġib aktar serħan il-moħħ lill-ħaddiema meta jkollhom bżonn jassentu ruħhom mill-post tax-xogħol f’każijiet urġenti.
B’hekk nifhmu li l-Gvern se jibqa’ mpenjat li il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin tkun imtejba u trankwilla sabiex il-mod tal-għajxien f’pajjiżna, għada jkun aħjar minn dak li huwa llum.