L-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali Moody’s ikkonfermat ir-rating ta’ Malta bħala A2 bi prospetti stabbli. Dan jikkuntrasta sew ma’ dak ta’ pajjiżi oħra li kellhom prospetti negattivi fir-rating tagħhom.
Fl-ewwel kummenti tiegħu fuq il-pjattaforma X, li kienet magħrufa bħala Twitter, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif l-esperti ta’ Moody’s, fl-analiżi tagħhom ikkonfermaw li l-ekonomija Maltija se tibqa’ b’saħħitha minkejja l-inċertezzi fuq livell globali.
L-esperti qalu li l-profil ta’ kreditu ta’ Malta jirrifletti ekonomija li hija waħda dinamika u diversifikata għad-daqs żgħir tagħha. Huma nnutaw ukoll ir-rispons komprensiv tal-politika ta’ pajjiżna f’dan il-qasam u ħarsu wkoll lejn id-dejn nazzjonali fejn qalu li se jibqa’ taħt iċ-ċifra tal-2011.
Huwa mbassar li t-tkabbir reali tal-Prodott Gross Domestiku se jilħaq il-livell ta’ 3.8% din is-sena, jinżel għal 3.5% fl-2024 u jerġa’ jitla’ għal 3.7% fl-2025. L-esportazzjoni ta’ oġġetti u servizzi mistennija li jkomplu jikbru, anke jekk is-sitwazzjoni globali mhijiex daqstant tajba.
Qed ikun imbassar ukoll li s-settur tat-turiżmu se jibqa’ wieħed b’saħħtu, b’Malta se tkompli tiddiversifika l-industrija lejn swieq differenti u anke billi tħares lejn niċeċ oħra fosthom dak reliġjuż u sportiv. Fir-rigward ta’ servizzi oħra, b’mod partikolari dawk tal-finanzi u l-gaming, l-esperti ta’ Moody’s innotaw ukoll li dawn sejrin tajjeb.