Monday, May 13, 2024

Malta b’passi ta’ ġgant fl-ekonomija diġitali

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Malta rnexxielha tagħmel passi ta’ ġgant fil-qasam tal-ekonomija diġitali. Tant kemm dan huwa minnu li l-industrija teknoloġika f’pajjiżna f’dawn l-aħħar 10 snin kibret b’rata ta’ 300%. It-tkabbir f’dan is-settur, li ma jinkludix l-industrija tal-gaming, kien jiġbor fih teknoloġiji innovattivi fosthom l-Intelliġenza Artifiċjali (AI) u l-Internet of Things.

Min-naħa l-oħra, l-industrija tal-gaming iġġenerat 1.5 biljun ewro f’valur miżjud, li jfisser 10% ta’ dak kollu li pajjiżna jipproduċi. Dan juri li min beżża’ li dan is-settur qed imut, mhux talli ma ġarax hekk, talli s-settur kiber b’rata ta’ sitta fil-mija. 

Waqt li kienu qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji tal-Budget 2024 għall-Ministeru tal-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, il-Ministru Silvio Schembri fakkar li matul dawn l-aħħar 10 snin pajjiżna għamel avvanzi ekonomiċi kbar ‘il quddiem. Innota wkoll kif l-ekonomija ta’ Malta f’dan il-perjodu rduppjat, l-istess kif irdoppja l-investiment dirett barrani.

Il-Ministru Schembri sostna li dan hu budget li qed ikompli jibni fuq dawk ta’ qablu u li permezz tagħhom qed naraw li l-ġid li qed jiġi ġġenerat, jitgawda mis-soċjetà fl-intier  tagħha. Semma kif il-Budget 2024 fih diversi miżuri li permezz tagħhom qed inħarsu lill-industrija u lin-negozji, fosthom inizjattivi li jgħinu lil start ups.

Fakkar ukoll li ħames snin ilu, twaqqfet awtorità li tiffoka fuq l-innovazzjoni diġitali. Issa, kompla jgħid il-Ministru Schembri, qed jiġi maqbul fuq livell Ewropew li kull pajjiż irid jagħmel dak li għamilna aħna ħames snin ilu.

“Qed inħarsu lejn l-liġi tal-Awtorità u fil-ġimgħat li ġejjin se npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-emendi neċessarji biex pajjiżna jkompli jkun anke ta’ eżempju għal pajjiżi oħra f’dan il-qasam,” tenna l-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet. 

“Infakkar dak li għamilna fl-2018 meta Malta kienet l-ewwel pajjiż li waqqaf qafas regolatorju li jaħdem fuq attivitajiet ta’ blockchain u assi fiinanzjarji virtwali. Mis-sena d-dieħla dak li għamilna aħna ħames snin ilu u li l-oppożizzjoni tipprova tiddieħak bih, issa se jkun obbligatorju mal-pajjiżi kollha tal-Ewropa.

“Il-vizjoni li kellna aħna, issa se tidħol liġi bi qbil bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropa fil-pajjiżi kollha tal-UE, dik imsejħa marketing crypto asset regulation. Malta issa għandha sitt snin ta’ vantaġġ fuq il-pajjiżi l-oħra. Sa Settembru li għadda diġà kellna f’pajiżna 12-il kumpanija rreġistrata u liċenzjata li jaħdmu fl-assi finanzjarji virtwali,” kompla jispjega l-Ministru Schembri. 

Dwar l-industrija tal-gaming, huwa semma li dan huwa settur li qiegħed jiġġenera impjiegi ta’ kwalità. Settur li llum jimpjega 11,200 persuna b’mod dirett filwaqt li meta wieħed iqis l-effett b’mod indirett dawn il-ħaddema jitilgħu għal aktar minn 15,000. 

Il-Ministru Schembri tenna li t-teknoloġija u d-dinja diġitali huma l-preżent u l-futur. Għalhekk din is-sena ttellgħet ukoll f’pajjiżna l-ewwel TechExpo fejn taħt saqaf wieħed inġabru mhux biss entitajiet governattivi u istituzzjonijiet edukattivi li wrew dak kollu li joffru fil-qasam tal-innovazzjoni iżda fuq kollox is-settur privat, kumpaniji li diġà jinsabu f’pajjiżna, uħud li ilhom joperaw fl-innovazzjoni, fl-AI u fit-teknoloġija innovattiva u li qed ikomplu jkabbru l-operat tagħhom u jiftħu orizzonti ġodda.

Il-Gvern ottimist li juża l-Fondi Ewropej kollha

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett esprima l-fiduċja li ninsabu fit-triq it-tajba biex dan il-Gvern għal darba oħra jkun uża l-fondi Ewropej kollha li kien hemm disponibbli għalih. Fondi li ġabu bidla pożittiva f’kull settur tas-soċjetà tagħna, li ġew użati fl-infrastruttura, fl-ambjent, fit-turiżmu, fil-kultura, fis-saħħa, fl-edukazzjoni u fis-soċjal. Fondi li biddlu wiċċ il-pajjiż.

Is-Segretarju Parlamentari Bonett spjega kif ix-xahar id-dieħel se jagħlaq il-programm ta’ seba’ snin mill-budget tal-Unjoni Ewropea għas-snin 2014-2020. Qal li issa huwa l-mument tal-verità fil-fondi Ewropej għaliex sal-aħħar tas-sena rridu nkunu assorbejna l-fondi kollha disponibbli għalina fil-programmi operattivi taħt l-aħħar budget Ewropew.

Malta poġġet ruħha bħala ċentru għall-innovazzjoni

Id-Deputat Laburista Ray Abela tkellem dwar l-ekonomija diġitali u nnota l-avvanzi kbar li għamlet Malta f’dan is-settur, li kompla jikber b’mod kostanti. “Bħala Gvern irrikonoxxejna l-importanza tat-teknoloġiji diġitali u l-innovazzjoni fit-tmexxija tat-tkabbir ekonomiku. Malta poġġiet ruħha bħala ċentru għall-innovazzjoni diġitali li tattira kemm kumpaniji lokali kif ukoll internazzjonali. L-ekonomija ta’ pajjiżna hi waħda miftuħa u vibranti,” tenna Abela.

Sostenn lil industriji differenti li qed jikbru u jiżdidilhom ix-xogħol

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Laburista Omar Farrugia rrefera għar-rapport li għamlet il-Kamra tal-SMEs fejn elenkat il-lista tal-aktar affarijiet importanti li n-negozji żgħar u medji qegħdin jaraw. Fuq nett tal-lista hi n-nuqqas ta’ ħaddiema bi kważi 40% tan-negozji intervistati jsemmuha bħala waħda miż-żewġ kwistjonijiet prinċipali tagħhom.

Tkellem dwar il-bilanċ li jrid jinstab sabiex naraw kif in-negozji tagħna jikbru u fl-istess ħin ikun minimazzat l-impatt taż-żieda fil-popolazzjoni. Huwa saħaq li l-Gvern Ingliż juża sistema ta’ punti biex persuna tidħol taħdem l-Ingilterra abbażi ta’ numru ta’ kwalitajiet, fosthom l-edukazzjoni, l-abbiltà fl-ilsien Ingliż u jekk ikunx hemm domanda ghal dak it-tip ta’ xogħol fis-suq tax-xogħol Ingliż.

“Il-Gvern Taljan għamel regoli uffiċjali li jgħidu li din is-sena se jidħlu biss 136,000 ħaddiem mhux minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. F’pajjiżna s-sena li għaddiet daħlu 38,000,” żied jgħid Farrugia. 

Qal li hemm bżonn li noffru ideat għal dibattitu serju. Saħaq li rridu nħarsu lejn kunċetti li ħadmu f’pajjiżi oħra u li bihom nistgħu noħolqu diskussjoni sabiex titjieb il-ħajja tan-nies u fuq kollox tal-ħaddiema u negozji Maltin. 

“Ma nemminx li s-soluzzjoni hija ġirja ‘l isfel. Anzi dan il-Gvern għolla l-paga minima biex kulħadd jimxi ‘l fuq. Però b’bidla fuq medda ta’ snin nistgħu naraw numri iżjed sostenibbli filwaqt li nagħtu s-sostenn tagħna lil industriji differenti li qed jikbru u jiżdidilhom ix-xogħol,” qal Farrugia. 

Sport