Friday, May 22, 2026

IL-MALTIN IRIDU KOMPETENZA MHUX DILETTANTIŻMU

Omar Farrugia – Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kandidat Laburista għall-5 u s-6 Distrett

Aqra wkoll

Għaddew aktar minn 4 snin mill-elezzjoni ġenerali tal-2022 u għandna prova oħra ta’ kemm għall-Oppożizzjoni Nazzjonalista dawn kienu żmien moħlija li ħlief imaqdru u jikkritikaw b’mod distruttiv il-ħidma tal-Gvern m’għamlux. Niftakar sewwa kif il-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista erba’ snin ilu kien miżgħud bi żbalji li wera l-inkompetenza ta’ nies li l-anqas kienu kapaċi jwasslu dokument serju li jixraq għal okkażjoni importanti daqstant bħalma hija elezzjoni ġenerali.

Erba’ snin wara u l-Partit Nazzjonalista jinsab fl-istess sitwazzjoni jekk mhux ukoll agħar. Għax filwaqt li fl-2022, l-iżbalji fil-Manifest Elettorali Nazzjonalista kienu aktarx żbalji ta’ ortografija, din id-darba hemm żbalji kbar f’dawk li huma tbassir ta’ infieq jew saħansitra tbassir dwar miri ambjentali importanti li jrid jilħaq pajjiżna fis-snin li ġejjin. 

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela flimkien ma’ esponenti ewlenin oħra tal-Partit Laburista bħall-Ministri Clyde Caruana u Miriam Dalli mill-ewwel indunaw b’dawn l-iżbalji tant li tal-PN kellhom joħorġu u jikkoreġu dak li kienu kitbu qabel. Dan kollu wera x’tip ta’ dilettantiżmu ħadmu bih tal-PN f’din l-elezzjoni.

Forsi wieħed jittanta li ma tantx jagħti importanza lil żbalji ta’ din ix-xorta iżda meta jkollok din is-sitwazzjoni tirrealizza x’deċiżjonijiet importanti għandu quddiemu l-poplu tagħna fi ftit jiem oħra meta qed jissejjaħ biex jivvota ħalli jagħżel lil min se jmexxih għall-ħames snin li ġejjin. 

Li huwa żgur huwa li l-poplu jixraqlu jmexxuh nies kompetenti li jafu x’ikunu qed jagħmlu, jafu jieħdu l-aqwa u l-aħjar deċiżjonijiet favur pajjiżna f’kull mument u quddiem kull sitwazzjoni. Mhemmx lok għal nuqqas ta’ kompetenza fit-tmexxija tal-pajjiż. Nuqqas ta’ kompetenza iwassal għal nuqqas ta’ deċiżjonijiet tajba. 

Huwa għalhekk importanti li fil-ġranet li ġejjin, il-Maltin u l-Għawdxin iħarsu bir-reqqa lejn dak li qed iwegħdu iż-żewġ partiti u fl-istess waqt jikkunsidraw min fl-opinjoni tagħhom huwa kompetenti biżżejjed, min għandu l-kredibbilità li rebaħ fl-aħħar tlettax-il sena bit-twettieq ta’ dak kollu li wiegħed. Dawn huma l-kunsiderazzjonijiet li kull wieħed u waħda minnha rridu nagħmlu meta niġu biex nixħtu l-vot tagħna fit-30 ta’ Mejju.

Jien għandi l-akbar fiduċja fl-elettorat Malti li jaf jiżen dan kollu. Il-poplu ser jiżen liema huma dawk il-wegħdi elettorali li huma fattibbli u li jistgħu jitwettqu u liema huma l-wegħdi frivoli u populisti mitfuha fl-arena politika sforz il-kilba għall-poter. L-elettorat ser jagħżel bejn wegħdi serji u ikkalkulati għall-piż li ser jitfgħu fuq il-finanzi tal-pajjiż u wegħdi oħra ta’ min l-anqas biss kien kapaċi jikkalkula b’somma sempliċi kemm se tiswih wegħda dwar tnaqqis ta’ taxxa.

L-elettorat ser jagħraf ukoll xi programm serju qed jipproponi l-Partit Laburista biex pajjiżna jkollu provista ta’ enerġija sigura u sussidjata li tiggarantixxi lill-Maltin u l-Għawdxin jibqgħu igawdu mill-orħos prezzijiet tal-enerġija u l-fuels fl-Ewropa. Ħaddieħor ippropona pompa tal-petrol f’nofs il-Mediterran u li l-anqas kien kapaċi jikkalkula sew kemm ser tiswa’ lill-pajjiż jew xi qliegħ ser tħallilu.

Iż-żgħażagħ tagħna ser jivvutaw biex jagħżlu il-programm Laburista mimli inċentivi għalihom, kemm jekk qed jistudjaw biż-żjidiet fl-istipendju u kemm jekk deħlin fid-dinja tax-xogħol bit-tnaqqis fit-taxxa fuq l-ewwel €30,000 qliegħ għal tlett snin. Jafu wkoll li l-inċentivi li qed joffri l-Manifest Laburista liż-żgħażagħ biex jixtru l-ewwel dar tagħhom huma l-aqwa li qed ikunu proposti f’din il-kampanja elettorali.

F’kull settur tal-ħajja soċjali tal-poplu Malti, il-proposti Laburisti huma l-aqwa u l-aktar serji, magħmula b’reqqa u b’responsabbiltà kbira. Il-Manifest Laburista jispikka għas-serjetà tiegħu meta jitqabbel mal-mod dilettantesk kif ippreżentaw il-proposti tagħhom tal-Partit Nazzjonalista. L-għażla li għandu quddiemu l-poplu Malti fil-ġranet li ġejjin hija waħda favur il-kompetenza, il-kredibbiltà u r-responsabbiltà kontra l-inkompetenza tal-Oppożizzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport