Friday, May 22, 2026

Farmers Market ġdid f’Ta’ Qali, investiment strateġiku fl-agrikoltura Maltija u l-prodott lokali

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, flimkien mal-Malta Food Agency, ħabbar il-proġett tal-Farmers Market il-ġdid f’Ta’ Qali, inizjattiva strateġika li se ssaħħaħ il-viżjoni tal-Gvern għal settur agrikolu aktar modern, sostenibbli u viċin in-nies.

Dettalji dwar dan il-proġett ingħataw mid-Deputat Prim Ministru Ian Borg u l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia flimkien ma’ uffiċjali tal-Malta Food Agency, waqt laqgħa mal-bdiewa fis-sit tal-proġett, f’Ta’ Qali.

Dan il-proġett jirrappreżenta pass importanti ’l quddiem fil-mod kif jiġi promoss u kkonsmat il-prodott lokali, billi joħloq spazju permanenti u modern fejn il-bdiewa u l-produtturi Maltin ikunu jistgħu jbigħu direttament lill-pubbliku f’ambjent organizzat u aċċessibbli.

Il-Farmers Market il-ġdid se jittrasforma Ta’ Qali f’destinazzjoni agrikola u alimentari vibranti, fejn il-prodott Malti mhux biss jinbiegħ iżda jiġi wkoll iċċelebrat u esperjenzat. Dan se jsaħħaħ il-konnessjoni diretta bejn dak li jiġi prodott fl-għelieqi Maltin u dak li jasal fuq il-mejda tal-familji.

Element ċentrali tal-proġett se jkun eatery dedikat għall-ikel lokali, li se joffri lill-viżitaturi l-opportunità li jduqu prodotti Maltin imsajjra, u b’hekk il-kunċett “farm-to-fork” jiġi implimentat b’mod konkret u esperjenzjali. Dan l-ispazju se jservi wkoll bħala pjattaforma għall-promozzjoni tal-identità kulinarja Maltija u d-diversità tal-prodott lokali.

Il-proġett huwa mfassal ukoll biex ikun spazju miftuħ u inklussiv għall-familji, turisti u viżitaturi, li jsaħħaħ il-ħajja komunitarja u joffri esperjenza rilassata u edukattiva dwar l-agrikoltura Maltija.

Permezz ta’ dan l-investiment, u bis-sehem importanti tal-Malta Food Agency, il-Gvern qed joħloq spazju li jopera matul is-sena kollha, u b’hekk tiżdied il-viżibilità u l-opportunità għall-produtturi lokali, filwaqt li jiżdied ukoll l-għarfien pubbliku dwar l-importanza tal-ikel lokali u sostenibbli.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, faħħar il-ħidma tal-Ministeru għall-Agrikoltura u l-Malta Food Agency sabiex iwettqu dan il-proġett daqstant kruċjali għall-pajjiż. “Kull meta ninvestu fil-prodotti Maltin, ma nkunux biss qed ngħollu ’l fuq l-identità tagħna, iżda nkunu qed insaħħu r-reżiljenza u s-sostenibbiltà ta’ Malta u Għawdex. Il-proġett li qed invaraw illum jagħti lilkom il-bdiewa l-vetrina u li tixirqilkom biex ix-xogħol tagħkom tagħtuh l-ogħla valur u tippreżentawh direttament lill-familji u n-negozji Maltin bħala prodott tal-ogħla livell, kif fil-fatt hu,” spjega Dr Borg, filwaqt li rringrazzja lill-bdiewa Maltin għad-dedikazzjoni u s-sagrifiċċji tagħhom.

Spjega li filwaqt li l-Farmers’ Market se jiftaħ aktar opportunitajiet biex il-familji Maltin ikollhom frott u ħxejjex aktar friski direttament mill-bdiewa, dan il-proġett se jkun ukoll attrazzjoni turistika, speċjalment għal dawk li jżuru l-Gżejjer Maltin minħabba l-gastronomija rikka tagħhom. “Bħal ma naraw f’ħafna pajjiżi oħra, dan il-Farmers Market żgur se jkun kalamita għal ħafna turisti li jfittxu prodotti u togħmiet verament Maltin, direttament minn dawk li jkabbruhom,” żied jgħid Dr Borg.

Il-Ministru Anton Refalo saħaq li dan il-proġett huwa pass konkret lejn settur agrikolu aktar b’saħħtu u modern, li jpoġġi lill-bidwi Malti fiċ-ċentru tal-viżjoni nazzjonali. Huwa enfasizza li l-investiment mhux biss qed isaħħaħ l-infrastruttura, iżda qed isaħħaħ ukoll il-fiduċja fil-prodott Malti.

Il-Ministru qal li dan il-proġett jifforma parti minn viżjoni usa’ għal settur agrikolu aktar reżiljenti, innovattiv u sostenibbli, li jagħti prijorità lis-sigurtà tal-ikel u lill-promozzjoni tal-prodott Malti.

Il-Farmers Market ta’ Ta’ Qali huwa mfassal bħala simbolu ta’ kif tradizzjoni u modernità jistgħu jingħaqdu flimkien, filwaqt li jkomplu jsaħħu l-identità agrikola u kulturali tal-pajjiż.

Il-Ministru temm jgħid li dan il-proġett huwa dwar in-nies, il-bdiewa, il-produtturi u l-konsumaturi u dwar il-ħolqien ta’ spazju ġdid ta’ opportunità, kburija u identità Maltija.

Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia spjega li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi se jkun qed jaħdem fuq dan il-proġett li ser jagħmel differenza kemm għall-bdiewa u l-produtturi, kif ukoll għall-familji li jżuru Ta’ Qali. “Ridna noħolqu spazju aktar organizzat u modern fejn il-prodott lokali jkun jista’ jinbiegħ f’ambjent aħjar u aktar komdu matul is-sena kollha. Fl-istess ħin, dan il-proġett ser ikompli jagħti ħajja ġdida lil din iż-żona bħala spazju miftuħ għall-komunità.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency, Brian Vella, qal li “l-Farmers Market il-ġdid f’Ta’ Qali jirrifletti bidla nazzjonali fil-mod kif napprezzaw l-ikel, il-komunità u lill-produtturi Maltin u Għawdxin. Dan il-proġett huwa parti mill-viżjoni fit-tul tagħna li nsaħħu l-identità agrikola ta’ Malta filwaqt li nkomplu ngħaqqdu lin-nies mal-oriġini ta’ dak li jikkunsmaw. Billi noħolqu spazju ġdid fejn il-produtturi, il-familji u l-viżitaturi jiltaqgħu, qegħdin nippromwovu l-fiduċja, u s-sens ta’ kburija fil-prodott lokali. Hu investiment fis-sistemi tal-ikel tal-lum, iżda f’futur aktar reżiljenti u sostenibbli għal Malta.”

Min-naħa tiegħu, Justin John Camilleri, iċ-Chief Business Development Officer tal-Malta Food Agency qal li “l-aġenzija kienet strateġika u tat prijorità lill-Farmers Market biex ġie żviluppat fi pjattaforma mfassla biex ittejjeb l-esperjenza kemm tal-produttur kif ukoll tal-konsumatur. B’infrastruttura moderna u spazji ddedikati, il-bdiewa, is-sajjieda u l-produtturi jistgħu joperaw b’mod aktar effiċjenti u jippreżentaw il-prodotti tagħhom aħjar, filwaqt li l-klijenti jibbenefikaw minn ambjent aktar aċċessibbli. Dan iwassal għal esperjenza aktar diretta u sinifikanti bejn il-produtturi u l-pubbliku, li ttejjeb il-fiduċja u ssaħħaħ il-valur tal-prodott lokali fis-suq.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport