F’attività politika f’Raħal Ġdid, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal kif illum l-Kummissjoni Ewropea tat ċertifikat mill-isbaħ lil pajjiżna, dan hekk kif ġie kkonfermat li għandna l-aqwa ekonomija Ewropea fost is-27 stat membru. Pajjiżna għandu wkoll l-aqwa ħolqien tax-xogħol fost il-pajjiżi Ewropej kollha, l-inqas rata ta’ qgħad fost l-Istati Membri kollha, tnaqqis tad-defiċit qabel iż-żmien u finanzi tal-pajjiż fis-sod.
Dr Abela sostna li dan hu ċertifikat tal-kompetenza fit-tmexxija tal-ekonomija, fit-tmexxija tal-finanzi tal-pajjiż u ċertifikat tal-kredibilità li għandu pajjiżna. Saħaq li dawn ir-riżultati ma ġġibomx b’kumbinazzjoni u semma kif pajjiżi ferm akbar minnha qed jogħtru u ma jistgħux jipproteġu lill-popli tagħhom kif qed isir f’pajjiżna għax qed japplikaw il-politika tal-awsterità.
“Malta għax ħadna deċiżjonijiet kuraġġużi, għax ipproteġejna lin-nies u lin-negozji, mhux biss l-aqwa din is-sena, imma għas-sena d-dieħla wkoll. Dan imma sakemm ikun hemm min hu kompetenti u kredibbli jmexxi f’dan iż-żmien imqalleb. Huwa biss it-team tal-Partit Laburista li jista’ jagħti garanzija lill-poplu Malti u Għawdxi li se nkomplu nkunu pajjiż ta’ suċċess,” saħaq Dr Abela.
Dr Abela kompla kif kull ġurnata li tgħaddi l-Oppożizzjoni tagħmel żbalji fil-costings, żbalji fid-dettalji u saħaq li kieku dawn l-iżbalji jsiru mill-Gvern l-aħħar konna niġu u mhux l-ewwel. Huwa semma fost oħrajn l-iżball li l-Partit Nazzjonalista ħa fil-costings tat-tax cut li ppropona, fejn ħa żball ta’ kwart ta’ biljun ewro fuq miżura waħda biss. Semma wkoll kif il-Partit Nazzjonalista ppropona s-sick leave għas-self employed meta dan ilu fis-seħħ minn Jannar tal-1987.
Il-Prim Ministru sostna li fit-30 ta’ Mejju l-poplu għandu deċiżjoni importanti quddiemu. Sostna li hija għażla bejn il-proposti, għażla bejn politika ta’ prosperità u r-ritorn tal-politika tal-awsterità, bejn pensjonijiet aqwa u pensjonijiet iffriżati, bejn piżijiet dejjem anqas u baġits li tibża’ tħares lejhom. “Mela allura ingħaqdu magħna, nafu kif għandna nibqgħu niġġeddu u nafu kif nibqgħu noħolqu l-ġid għalikom u għal pajjiżna,” sostna Dr Abela.

