Hekk kif it-teknoloġija moderna, avvanzata u dik tal-informatika qegħdin ibiddlu
d-dinja tax-xogħol b’passi mgħaġġla ħafna, li bilkemm qed inlaħħqu magħhom, b’danakollu l-Intelliġenza Artifiċjali mhijiex ta’ periklu għall-ħaddiema kif kien hemm min ħaseb sa ftit tas-snin ilu.
Filwaqt li nirrikonoxxu li hemm sfidi li din qed iġġib magħha, hemm ukoll diversi aspetti diversi fejn l-Intelliġenza Artifiċjali tista’ tkun t’għajnuna kbira għall-ħaddiema stess.
Dan hu dovut għall-progress li qiegħed dejjem isir u saħansitra ħadd m’għandu kontroll fuqu. F’dan il-kuntest, ma nistgħux ma nagħmlux referenza għall-aħbar li
l-kumpanija tal-Intelliġenza Artifiċjali OpenAI ffirmat ftehim mal-Gvern
Malti biex jingħata aċċess lir-residenti kollha ta’ pajjiżna għas-servizz ta’ ChatGPT għal sena wara li jkunu segwew kors dwar kif jużaw l-AI.
Dan ifisser li Malta se jkun l-ewwel pajjiż li se tkun qiegħed iniedi tali programm,
li huwa miftuħ ukoll għall-Maltin li jgħixu barra. Inizjattivi bħal dawn jgħinu liċ-ċittadini sabiex jibnu kunfidenza akbar dwar l-użu tal-AI u kif dan jista’ jkun ta’ għajnuna għalihom fil-ħajja ta’ kuljum.
Minkejja l-isfidi li jaf iġġib magħha l-Intelliġenza Artifiċjali, nemmnu li ħadd m’għandu jiġi mnaffar. Dan ngħiduh għax nemmnu li l-progress ma jista’ jwaqqfu ħadd. Għalhekk anke aħna bħala Maltin għandna nagħrfu kif indawru dawn
l-isfidi f’aktar opportunitajiet.
B’hekk pajjiżna jkun jista’ jlaħħaq mal-iżviluppi li qed isiru anke f’pajjiżi oħra,
imbiegħda jew viċin, meta jitqies li l-ekonomiji huma kważi marbutin ma’ xulxin u jiddependu waħda fuq l-oħra. Id-diġitalizzazzjoni, AI u t-teknoloġija kienu wkoll ċentrali fid-diskors li għamel is-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-General Workers’
Union Kevin Camilleri waqt il-Kungress Straordinarju tal-GWU li ttella’ aktar kmieni din il-ġimgħa.
L-istess GWU temmen li rridu ndawru l-isfidi li qed iġibu magħhom dawn l-avvanzi fit-teknoloġija, f’opportunitajiet. Irridu għalhekk nibqgħu nżommu f’moħħna prinċipju wieħed ċar li d-diġitalizzazzjoni hi għodda biex tgħin lill-ħaddiem.

