Tuesday, May 14, 2024

Mourinho akkużat mill-UEFA wara l-finali kontra Sevilla

Aqra wkoll

Il-coach ta’ Roma, Jose Mourinho, ġie akkużat mill-UEFA talli uża lingwaġġ insulenti jew abbużiv kontra r-referee wara l-finali tal-Europa League tal-Erbgħa li għadda.

L-akkuża għandha x’taqsam ma’ inċident f’parkeġġ wara l-logħba, meta Mourinho, 60 sena, idderieġa tgħajjir bi kliem ħażin lejn ir-referee Ingliż, Anthony Taylor.

Il-Portugiż kien ġie ammonit minn Taylor f’Budapest, fejn Sevilla għelbu lil Roma bil-penalties wara draw ta’ 1-1.

Iż-żewġ clubs jiffaċċjaw ukoll diversi akkużi dwar l-imġieba tal-partitarji u l-players tagħhom.

Sevilla u Roma ġew akkużati li tefgħu oġġetti, xegħlu logħob tan-nar u kondotta ħażina tat-team tagħhom.

It-team Spanjol għandu ħlas addizzjonali għall-invażjoni tal-partitarji fil-ground kif spiċċat il-logħba, filwaqt li Roma ġew mixlija wkoll b’atti ta’ ħsara u tfixkil tal-folla.

Il-korp ta’ kontroll, etika u dixxiplina tal-UEFA (CEDB) se jiddeċiedi dwar il-kwistjoni fi żmien debitu.

Taylor ħareġ il-karta s-safra lil 13-il player, l-akbar numru f’logħba tal-Europa League. Sebgħa minnhom kienu lill-players ta’ Roma, li kien rekord għall-finali.

Sport