Wednesday, July 24, 2024

Mtarfa Futsal b’vantaġġ inizjali għat-tieni leg

Aqra wkoll

Mtarfa Futsal kisbu vantaġġ inizjali fl-ewwel leg tas-semifinali tal-play-offs tal-Enemed Women’s Futsal League meta għelbu lil Lija Athletics B 3-1.

It-tim mill-Imtarfa mistenni jkun protagonist f’dawn il-play-offs hekk kif il-plejers iridu jtaffu mid-diżappunt li ma waslux fil-finali tal-kompetizzjoni knock-out u kontra t-tieni tim ta’ Lija Athletics urew il-potenzjal tagħhom.

Oriana Bedingfield, Sabrina Bertona u Shania Spiteri fetħu tliet gowls vantaġġ għall-Imtarfa sabiex Lija naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Bisleybi Amaya.

Referees kienu Andrea Naudi u Ray Tabone.

Fit-tieni semifinali kien hemm bilanċ assolut bejn Lija Athletics A u Swieqi United Futsal tant li l-iskor finali kien dak ta’ 3-3.

Din kienet it-tieni darba li ż-żewġ timijiet iltaqgħu kontra xulxin fi spazju ta’ ftit jiem wara li aktar qabel, Swieqi kienu rebħu l-kompetizzjoni knock-out wara skor ta’ 4-1 kontra l-istess Lija.

Din id-darba l-logħba kienet ta’ bilanċ assolut għalkemm Lija A kienu qed jirbħu 2-1 sa tmiem l-ewwel taqsima. Minkejja kollox, Swieqi wettqu reazzjoni u ġabu d-draw sabiex kollox irid jiġi deċiż fit-tieni leg tal-ġimgħa d-dieħla.

Jasmine Vella Turner skorjat doppjetta b’Ruth Steer Cheetham li żiedet ieħor għal Lija.

Dana Fuentes, Amy Abdilla u Vanessa Carneiro irrispondew għal Swieqi.

Referees kienu Clinton Cassar u Danilo Francalanza.

Ekonomija

Sport