Multa ta’ €20,000 wara li nqatgħet siġra protetta illegalment f’Ħal Lija

Aqra wkoll

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) imponiet multa amministrattiva ta’ €20,000 wara t-tneħħija illegali ta’ siġra tal-Buglar protetta f’Ħal Lija.

Id-deċiżjoni ttieħdet illum mill-Bord tal-ERA, bħala parti mill-isforzi kontinwi tal-Awtorità biex tipproteġi s-siġar u l-ambjent naturali tal-Gżejjer Maltin.

Dan il-każ jenfasizza l-importanza tar-rispett lejn il-liġijiet ambjentali, speċjalment dawk li għandhom l-għan li jipproteġu s-siġar u l-ispeċi li għandhom valur naturali u ekoloġiku.

“It-tneħħija ta’ siġar protetti mingħajr il-permessi meħtieġa tista’ twassal għal konsegwenzi amministrattivi u finanzjarji sinifikanti, kif juri dan il-każ,” tgħid l-ERA.

Permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-ERA qed tkompli turi li l-ksur tar-regolamenti ambjentali jista’ jwassal għal azzjoni konkreta, filwaqt li tfakkar fl-importanza li kulħadd jagħti sehmu fil-ħarsien tal-wirt naturali ta’ Malta.

“Il-protezzjoni tas-siġar mhijiex biss responsabbiltà tal-awtoritajiet, iżda dmir li għandu jinġarr mis-soċjetà kollha għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri,” tgħid l-ERA.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport