“Il-lokalità tagħna m’għandhiex bżonn aktar supermarkets”

- Clayton Cascun Portelli, is-Sindku tal-Fgura 

Aqra wkoll

Studju dwar it-traffiku juri li s-supermarket propost fi Triq id-Dejma jista’ jiġġenera kważi 3,000 vjaġġ ta’ vetturi nhar ta’ Ħadd, filwaqt li jkompli jaggrava l-konġestjoni f’żewġ roundabouts diġà mgħobbija bit-traffiku.

“Bħala Kunsill Lokali, konna ċari mill-bidu u se nibqgħu nżommu sod mal-pożizzjoni tagħna. Se nkomplu noġġezzjonaw għal din il-proposta, għaliex il-lokalità tagħna m’għandhiex bżonn aktar supermarkets. Aħna qegħdin hawn biex niddefendu l-interessi tar-residenti u nħarsu l-karattru tal-lokalità tagħna.”

Hekk sostna s-Sindku tal-Fgura, Clayton Cascun Portelli, b’reazzjoni għall-proposta ta’ żvilupp ta’ supermarket ġdid fi Triq id-Dejma, li qed tqajjem tħassib dwar l-impatt li jista’ jkollha fuq it-traffiku u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

It-tħassib dwar dan il-proġett jidher ukoll fi studju dwar l-impatt tat-traffiku, li jindika li s-supermarket propost jista’ jżid kważi 3,000 vjaġġ ta’ vetturi fin-netwerk tat-toroq tal-madwar.

L-istudju analizza l-impatt ta’ żvilupp b’użi mħallta ppjanat mill-iżviluppatur.

Għalkemm ir-rapport jikkonkludi li l-impatt addizzjonali fuq it-traffiku, meta mqabbel mas-sitwazzjoni preżenti, huwa limitat, jirrikonoxxi li l-proġett jista’ jkompli jaggrava l-konġestjoni f’żewġ roundabouts li diġà jinsabu taħt pressjoni kbira.

L-applikazzjoni (PA/02122/26) tinkludi 100 appartament residenzjali, supermarket b’żona ta’ 1,250 metru kwadru, ħanut u gym.

Il-kumpless huwa ppjanat li jkollu ħames livelli ta’ parkeġġ taħt l-art, li jipprovdu 361 post għall-karozzi u 37 post għall-muturi.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport