Delegazzjoni tal-Partit Laburista, magħmula mid-Deputat Mexxej Alex Agius Saliba, il-Ministru Omar Farrugia u d-Deputat Parlamentari Anthony Agius Decelis, żaret l-uffiċċji prinċipali tal-GO f’Bulebel iż-Żejtun, fejn iltaqgħet mat-tmexxija tal-kumpanija kif ukoll mal-ħaddiema.
Matul iż-żjara, id-delegazzjoni semgħet direttament mingħand il-ħaddiema kif il-miżuri mħabbra fil-Budget qed iħallu impatt pożittiv fuq il-ħajja tagħhom u tal-familji tagħhom. Fost dawn issemmew is-Super Bonus għall-ħaddiema, it-tnaqqis fit-taxxa għall-ġenituri u t-terapiji mingħajr ħlas għat-tfal b’diżabilità.
Id-delegazzjoni ddiskutiet ukoll il-progress diġitali li qed jagħmel lil Malta aktar attraenti għall-investiment dirett barrani (FDI), kif ukoll l-importanza li l-ħaddiema jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika ekonomika u tal-iżvilupp tan-negozji.
Id-Deputat Mexxej Alex Agius Saliba enfasizza l-importanza tal-konnettività diġitali u l-innovazzjoni għall-kompetittività ekonomika ta’ pajjiżna, inkluż permezz tal-ħidma li qed issir fuq livell Ewropew. Huwa nnota li, skont l-EY Malta Attractiveness Survey tal-2026, l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni u l-konnettività diġitali saru l-aktar fattur ikklassifikat pożittivament mill-investituri barranin, b’81%.
Id-Deputat Mexxej Alex Agius Saliba qal li dan juri kemm l-investiment f’infrastruttura diġitali moderna huwa kruċjali biex Malta tkompli tattira investiment u toħloq opportunitajiet ta’ xogħol ġodda. Sostna li Gvern Laburista se jkompli jappoġġja kumpaniji privati bħal GO li qed jinvestu biex isaħħu r-reżiljenza diġitali ta’ pajjiżna permezz ta’ titjib fin-network u konnessjonijiet ġodda. Fl-istess waqt, enfasizza l-importanza li jkun hemm kompetizzjoni ġusta fis-settur diġitali u tal-innovazzjoni, għaliex din tixpruna aktar investiment u progress.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Omar Farrugia tkellem dwar l-impenn tal-Gvern biex ikompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u jgħinhom jgħixu ħajja aħjar b’aktar bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u dik privata. Huwa qal li, minbarra s-Super Bonus għall-ħaddiema kollha, is-sena d-dieħla se jidħlu fis-seħħ aktar tnaqqis fit-taxxa għall-ġenituri li jaħdmu.
Il-Ministru Farrugia laqa’ wkoll l-inizjattivi ta’ kumpaniji privati bħal GO li jmorru lil hinn mill-obbligi legali tagħhom biex itejbu u jiffaċilitaw il-ħajja tal-impjegati tagħhom. Semma fost l-oħrajn il-flessibbiltà fil-ħinijiet, il-work from home, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali, kif ukoll inizjattivi oħra bħal leave speċjali f’każijiet ta’ telf ta’ tqala. Dawn kollha joffru aktar appoġġ għall-familji u jikkontribwixxu għall-wellbeing tal-ħaddiema.
Huwa fakkar li l-mira tal-Gvern hija li sal-aħħar tal-leġiżlatura jinkiseb titjib ta’ 25% fil-wellbeing taċ-ċittadini. Għal dan il-għan, il-Gvern se jkompli jimplimenta miżuri soċjali li jsaħħu lill-familji Maltin u Għawdxin, filwaqt li jaħdem id f’id mas-settur privat biex jitwessgħu inizjattivi li jgħinu lill-ħaddiema jsibu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.
Id-Deputat Parlamentari Anthony Agius Decelis tkellem dwar l-importanza tal-miżuri fiskali li qed joffri l-Gvern lin-negozji żgħar, fosthom it-tnaqqis fir-rata tat-taxxa minn 35% għal 25%. Agius Decelis qal li anke kumpaniji kbar bħal GO jagħrfu l-potenzjal tan-negozji żgħar u jinvestu fihom. Sostna li permezz ta’ din il-miżura, il-Gvern qed iħalli aktar flus fil-but tan-negozji żgħar biex ikunu jistgħu jerġgħu jinvestuhom fl-operat tagħhom, jikbru u joħolqu aktar opportunitajiet. Dan juri kif Gvern Laburista jibqa’ ta’ spalla għan-negozji Maltin u Għawdxin, anke f’kuntest internazzjonali diffiċli.
Matul iż-żjara ġie rikonoxxut ukoll l-investiment sostanzjali ta’ GO fl-infrastruttura diġitali ta’ Malta, fosthom in-network nazzjonali tat-True Fibre li jkopri l-pajjiż kollu u t-tisħiħ tal-konnettività internazzjonali permezz tal-cables sottomarini. Dawn l-investimenti jsaħħu r-reżiljenza ta’ pajjiżna u jkomplu jqiegħdu lil Malta fuq quddiem nett fil-qasam tal-konnettività.
Il-Partit Laburista jemmen li ekonomija b’saħħitha tinbena fuq investiment, innovazzjoni u kompetittività, iżda dejjem bil-Maltin u l-Għawdxin fiċ-ċentru tagħha. Il-ħidma tal-Gvern għandha tkompli tiżgura li l-ġid li jinħoloq jinbidel f’opportunitajiet aħjar, kundizzjonijiet tax-xogħol aktar b’saħħithom u kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.
