Tuesday, February 25, 2025

Muscat iwaqqa’ kawża ta’ libell kontra avukat

… wara li dan tal-aħħar iċċara l-kumment tiegħu fuq l-eks PM

Aqra wkoll

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat waqa’ l-kawża ta’ libell li kien fetaħ kontra l-Avukat Christian Grima. Dan wara li Dr Grima ċċara li l-kumment li kiteb fuq Facebook fl-2020 ma kienx maħsub li jakkuża lil Dr Muscat li kien hu l-persuna li qatel lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Lura fl-2020, l-Avukat Grima kien kiteb kumment fil-konfront ta’ Joseph Muscat li fih kien akkużah u allega li kien hu li sploda lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Ftit tas-sigħat wara li Dr Grima kiteb dan il-kumment, l-eks Prim Ministru Muscat kien fetaħ kawża ta’ libell fejn argumenta li din kienet kalunja sħiħa li hu b’xi mod kien implikat jew involut fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Hekk kif kompliet il-kawża ta’ libell quddiem il-Maġistrat Victor Axiak, l-avukat ta’ Dr Grima ċċara li b’dak li kiteb ma riedx ifisser li Dr Muscat waħħal il-bomba, iżda li l-konklużjoni tal-inkjesta pubblika kienet tgħid li nħolqot klima ta’ vjolenza u impunità biex inqatlet il-ġurnalista.

Wara li Dr Grima għamel din id-dikjarazzjoni, Dr Muscat waqqa’ l-kawża ta’ libell.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport