Friday, May 3, 2024

MUŻA u Għar Dalam jingħataw is-siġill li jassigura kwalità 

Aqra wkoll

Għar Dalam u l-Mużew Nazzjonali tal-Arti, MUŻA, ġew rikonoxxuti mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għal-livell għoli tal-esperjenza li joffru lill-viżitaturi, billi ngħataw is-siġill li jassigura kwalità. 

B’hekk Heritage Malta issa għandha b’kollox għaxar siti li ngħataw dan ir-rikonoxximent prestiġjuż. Is-siti l-oħra huma l-Forti Sant’Anġlu, il-Forti Sant’Iermu, il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, Ħaġar Qim u l-Imnajdra, it-Tempji ta’ Ħal Tarxien, l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, il-Katakombi ta’ San Pawl, u l-Ġgantija. 

Is-siġill li jassigura kwalità huwa skema tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu maħsuba biex tgħin lill-viżitaturi jaslu għal deċiżjoni infurmata meta jkunu qed jikkunsidraw liema attrazzjonijiet se jżuru. Fl-istess waqt, l-iskema tgħin lis-siti biex jibqgħu kompetittivi u lis-settur biex jilħaq livell għoli ta’ kwalità permezz ta’ miri li jaspira għalihom. 

Biex jiksbu s-siġill li jassigura kwalità, is-siti jridu jissodisfaw sett ta’ kriterji stabbiliti. Dawn jinkludu l-kwalità tal-kontenut, il-kwalità tal-preżentazzjoni u l-interpretazzjoni, il-valur għall-flus, il-kwalità tal-promozzjoni, l-aċċessibbiltà, it-tqassim tal-post u l-kumdità, il-konservazzjoni u s-sigurtà, il-kwalità tal-ikel, il-kwalità tal-ħwienet, is-servizzi addizzjonali, il-membri tal-istaff u s-servizz li jagħtu, l-indafa u l-kundizzjoni fiżika tal-post, il-kwalità tal-faċilitajiet sanitarji, kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli. 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li żewġ siti oħra ngħataw is-siġill li jassigura kwalità u qal li din il-kisba tirrikonoxxi l-impenn tal-aġenzija nazzjonali għall-wirt kulturali biex tiffoka fuq ix-xewqat u l-ħtiġijiet tal-viżitatur u toffrilu esperjenza ħolistika li tissodisfah fuq diversi livelli u tħajru jżur mill-ġdid.

Sport