“Kien ilu hawn 6 xhur… imma sab il-paċi tiegħu f’din il-Knisja… din il-knisja sab id-dar tiegħu.” Hekk stqarr il-Provinċjal tal-Patrijiet Franġiskani tal-Knisja ta’ Ġieżu f’messaġġ qasir li qal waqt li Nadab John kien qiegħed jingħata l-aħħar tislima.
Nadab John, Pakistani ta’ 15-il sena li kien iservi ta’ abbati fil-Knisja ta’ Ġieżu, miet traġikament nhar is-Sibt, 19 ta’ Lulju hekk kif sab ruħu f’diffikultajiet waqt li kien qiegħed jgħum Xgħajra. Hu tella’ mill-baħar mitluf minn sensieh u għalhekk is-servizzi tal-emerġenza wasalu fuq il-post fi ftit minuti, hu ġie ċċertifikat mejjet hekk kif wasal l-Isptar Mater Dei.
Intant fil-messaġġ tiegħu l-Provinċjal qal li “l-Knisja tagħna hija tagħkom… grazzi lill-ġenituri li offre lil Nadab biex ikun ta’ servizz għal din il-knisja u grazzi li tellajtu lit-tifel b’valuri Insara.”
Il-Provinċjal qal li qiegħed jimmissja ħafna l-preżenza ta’ persuni ta’ nazzjonalità Maltija li xtaq li jingħaqdu mal-komunità Pakistana biex jagħtu l-aħħar tislima lil dan it-tfajjel. “Tista’ tkun Pakistani, Indjan, Malti… aħna lkoll aħwa fil-Knisja,” stqarr il-Provinċjal.
Fl-istess messaġġ hu stieden lill-Pakistani kollha li jgħixu f’pajjiżna biex imorru fil-Knisja ta’ Ġieżu “hekk kif din hija l-knisja tagħkom.”
Wiegħed lill-ġenituri tal-vittma li “tafu li aħna l-familja tagħkom u din hija d-dar tagħkom… sakemm nibqgħu magħqudin fil-knisja qatt ma intom weħidkom.”
