Friday, July 24, 2026
Home Bloggers Dgħajjes u karozzi

Dgħajjes u karozzi

0
14

Riċentement saret intervista lill-Prim Ministru Robert Abela. Il-kliem bħaċ-ċirasa. Fi stadju mill-intervista meta kienet trattata l-kwalità tal-ħajja ssemma’ kemm żdiedu d-dgħajjes u l-karozzi. Il-Prim Ministru qal li dan huwa riżultat ta’ ekonomija b’saħħitha li qegħda tirrendi l-flus fi bwiet in-nies. Bħal dejjem, u allura xejn ġdid, ikun hemm min jaqbel ma’ konklużjoni bħal din u jkun hemm min le. Ma jkun ġara xejn b’daqshekk. Li, ngħid għalija, idejjaqni hu li jekk ma taqbilx ma’ konklużjoni bħal din m’hemmx għalfejn tuża kliem dispreġjattiv fil-konfront ta’ min ma tkunx qed taqbel mal-argument tiegħu. Apparti li tali dikjarazzjoni m’għandekx toħroġha ‘l barra mill-kuntest li fih intqalet.

Nibbaża dan il-kummentarju fuq esperjenzi li naħseb li għexhom u qed jgħixhom kulħadd. Min hu kbir fl-età bħali jista’ jgħid aktar. Madankollu mhux se mmur bogħod wisq fis-snin. Kien hemm żmien meta l-ammont ta’ karozzi ġodda fit-toroq, ammont li ma jersaqx lejn dak tal-lum, kien jitqies bħala kejl ta’ kemm kien qed jogħla l-livell tal-ħajja. Statistika li normalment kont taraha fil-gazzetti kull tliet xhur. Statistika uffiċjali.

Imma mhux biss. Kien hemm perjodu meta Gvern Laburista mmexxi mill-Perit Duminku Mintoff kien adotta sistema li jipprova jibbilanċja l-kummerċ. Nixtru mingħand min jixtri mingħandna. Ovvjament l-ammonti jvarjaw għax aħna aktar nimportaw milli nesportaw imma Mintoff ried li b’xi mod it-traffiku kummerċjali ma jkunx ‘one way’.

Kien introduċa s-sistema  ta’ importazzjoni limitata ta’ karozzi. Bil-kwoti. U allura kont tmur biex tixtri karozza ġdida u l-aġent kien jgħidlek li trid tistenna tant xhur għax il-kwota allokata kienet waslet biex tintlaħaq, jew intlaħqet diġà. Kien qam plejtu sħiħ, bil-Gvern ikun akkużat li mhux iħallik tuża flusek kif trid. Jobbligak mnejn tixtri u x’tixtri. Fir-rigward ta’ karozzi kien hawn tgergir kbir, saħansitra li m’hawnx karozzi daqskemm meħtieġ.

Illum is-sitwazzjoni hija totalment opposta. Għandna karozzi pjuttost ferm aktar milli għandna bżonn. Huwa veru jew le li llum malli żagħżugħ jew żagħżugħa jagħlqu 18-il sena x’aktarx li l-ewwel ma jagħmlu huwa li jixtru karozza? Huwa veru jew le li f’kull familja, ras għal ras, hemm tliet karozzi? 

Innota ftit waqt li tkun għaddej bil-karozza tiegħek ma’ kemm tiltaqa’ karozzi bit-tabella ‘L’, li jindikaw kemm hawn ‘skejjel’ għat-tagħlim tas-sewqan. Kollha bl-‘istudenti’ fihom. Asal wasla safejn ikunu qegħdin isiru t-testijiet għall-ksib tal-liċenzja u ara x’ikun hemm jistennew biex jagħmlu t-test.

Sadattant bħal donnu qegħdin ninsew kemm ingergru mill-ammont kbir ta’ karozzi fit-toroq tagħna. Għall-mument warrab l-argument li ĦADD m’hu lest iċaħħad lilu nnifsu mill-karozza. Isiru kemm isiru skemi ta’ inċentivi għal dan il-għan. Imma mbagħad hemm l-argument l-ieħor, il-mistoqsija kruċjali: Fuq liema kriterju tista’ iċċaħħad lil xiħadd milli jixtri karozza? Timmaġina li tiddaħħal xi miżura b’dan il-għan u ma jitqajjimx pandemonju? Għalhekk fakkartek x’kien sar fi żmien  Mintoff anke jekk b’intenzjoni tajba.

Iddur kemm iddur u tipprova kemm tipprova ddgħajjef l-argument li ż-żieda ta’ karozzi hija fost l-indikaturi ta’ flus fl-idejn tkun qed tagħżaq fl-ilma. U l-istess dwar id-dgħajjes. Int min int  biex iżżommni milli nixtri dgħajsa? Anke jekk hemm differenza fid-daqsijiet tad-dgħajjes, fl-għamla tal-karozzi. Mhux l-istess ifisser? La darba ddeċidejt li nixtri dgħajsa hu x’inhu d-daqs tagħha, ifisser li għandi l-flus biex nagħmel hekk. Ilbieraħ ma kellix flus biex nixtriha u llum għandi. Xi eċċezzjoni jista’ jkun hemm u ssib min jipprova jilbes żarbun akbar minn saqajh, li jagħmel prijoritajiet żbaljati, imma l-eċċezzjoni mhix ir-regola. U lanqas ma jfisser li m’hawnx min m’għandux biex jixtri karozza jew dgħajsa. Li m’hawnx min mhux daqstant komdu bil-ħajja jew li jgħaddi żbrixx. Taħseb li hawn xi ħadd jista’ jiggarantixxi li tali sitwazzjoni tisparixxi taħtu?

Żdied jew ma żdiedx is-safar għall-btajjel? Kulħadd jaf li żdied. U allura dan x’ifisser jekk mhux flus fi bwiet in-nies? U l-flus mnejn jiġu? Mhux b’riżultat ta’ ekonomija b’saħħitha? Mhux b’riżultat ta’ żieda fil-livell tal-għajxien?

X’inhi din il-manija li flok nieħdu gost bil-ġid nippruvaw immeru s-sewwa magħruf?

[email protected]

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here