Saturday, December 14, 2024

Nagħmlu l-aqwa użu mill-artijiet pubbliċi

8,000 metru kwadru ta’ spazji miftuħa f’żoni urbani

Stefan Zrinzo Azzopardi
Stefan Zrinzo Azzopardi
Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali

Aqra wkoll

L-art fil-Gżejjer Maltin minn dejjem kellha valur għoli ħafna minħabba l-popolazzjoni numeruża għad-daqs ta’ pajjiżna. Fl-aħħar snin, il-valur tal-art kompla jgħola ‘l fuq b’mod konsistenti minħabba li kien hawn domanda b’saħħitha fis-suq. Fid-dawl ta’ dan, il-mod kif tiġi immaniġġjata l-art pubblika sar aktar importanti minn qatt qabel. Gvern Laburista qed imexxi ‘l quddiem politika li tħeġġeġ l-aħjar użu tal-art pubblika. Wieħed mill-modi kif din il-politika twettqet kien permezz tal-ħolqien ta’ aktar spazji ħodor u miftuħa f’żoni urbani għat-tgawdija tal-poplu.

L-Awtorità tal-Artijiet għandha rwol importanti fl-immaniġġjar ta’ artijiet u propjetajiet pubbliċi. Funzjoni kritika tal-Awtorità hija li tassigura li l-gvern jagħmel l-aħjar użu mill-art tiegħu għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna bl-aktar mod sostenibbli.

Din il-ġimgħa permezz ta’ ħidma konġunta bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Aġenzija Project Green neddejna proċess biex jinstabu artijiet tal-Gvern f’żoni urbani u li jifformaw parti miż-żona tal-iżvilupp biex nikkonvertuhom fi spazji miftuħa, ħodor.

F’din l-ewwel parti ta’ dan il-proċess identifikajna 8,000 metru kwadru ta’ artijiet f’erba’ lokalitajiet f’Malta. Il-lokalitajiet huma Ħal Luqa, Ħal Kirkop, Ħal Lija u San Ġiljan. Kieku dawn l-artijiet kellhom jinbiegħu għall-iżvilupp, il-valur fis-suq tagħhom kien ikun ta’ €20 miljun. Għalhekk, il-Gvern seta’ faċilment jagħżel li jibni dawn l-artijiet. Minflok mexa għal dik id-direzzjoni, ħass li għandu jipprovdi pulmun ġdid lir-residenti billi jikkonverti dawn l-ispazji miftuħa, ħodor. Spazji li se jkunu aċċessibbli għan-nies u fl-istess waqt se jservu ta’ pulmun fil-lokalitajiet tagħna.

Kif wegħdna fil-programm elettorali Malta Flimkien, il-Gvern jinsab impenjat li jkompli jwettaq proġetti ta’ urban greening bil-għan li noħolqu aktar spazji miftuħa, siguri u ħodor fiċ-ċentri urbani tagħna.

Sabiex jintlaħaq dan il-għan l-Awtorità tal-Artijiet se tkun qed taħdem spalla ma’ spalla mal-Gvern u se tkompli taħdem biex ikun hemm aktar inizjattivi ta’ dan it-tip li permezz tagħhom jibbenefikaw il-komunitajiet tagħna.

Dan kollu jorbot ukoll mal-ħidma tal-Gvern li noffru kull persuna spazju miftuħ 10 minuti bogħod mir-residenza fejn tgħix. Inizjattiva ambizzjuża imma li bħala Gvern mhux se naqgħtu qalbna milli nwettquha.

Sostenn lill-Kunsilli Lokali

Il-Kunsilli Lokali jwettqu xogħol importanti ħafna fil-lokalitajiet tagħna. Il-Gvern jirrikoxxi l-ħidma sfieqa li qed issir u għalhekk irrid jkompli jagħti aktar għodod lill-Kunsilli biex filwaqt li jkun ta’ sostenn għalihom, jtaffilhom mill-ispejjeż involuti fil-proġetti li jwettqu fil-komunitajiet tagħna. L-Awtorità tal-Artijiet qed tkompli tikkollabora mal-Kunsilli Lokali biex tkun faċilitata d-devoluzzjoni ta’ art jew propjetajiet pubbliċi. Ix-xahar li għadda neddejt skema ġdida mill-Awtorità tal-Artijiet flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli li permezz tagħha l-Kunsilli Lokali kollha f’Malta u Għawdex se jkunu qed jibbenefikaw minn rati baxxi ta’ kirjiet ta’ art jew propjetà pubblika. Tkun xi tkun l-art jew propjetà mikrija mingħand l-Awtorità tal-Artijiet, il-massimu tal-kera li tista’ titħallas ikun biss ta’ €500. Permezz ta’ din l-iskema l-Kunsilli Lokali se jkunu jistgħu joffru aktar servizzi lill-komunitajiet tagħhom billi ser jonfqu inqas f’kirjiet. Fil-fatt hemm bosta Kunsilli lokali li se jiffrankaw eluf ta’ ewro b’din l-iskema fosthom dawk ta’ Biżebbuġa u taż-Żurrieq.

Is-Settur tal-volontarjat

Is-settur tal-volontarjat huwa settur għal qalbi ħafna. Mingħajr is-settur tal-volontarja ħafna proġetti ta’ fejda ma jkunux jistgħu jsiru. Jeħtieġ li mhux biss inkomplu nirrikonoxxu s-sehem strumentali tal-volontarjat fis-soċjetajiet tagħna, imma bħala Gvern nkunu ta’ sostenn għal dawn l-għaqdiet.

L-Awtorità tal-Artijiet ser tkompli toffri għajnuna lill-għaqdiet volontarji billi ssib akkommokazzjoni addattata għalihom b’rati vantaġġużi ħafna. Fl-istess waqt, kif wegħdna fil-Manifest fil-futur qarib se jkunu qed inniedu skema ta’ konsolidament tattitoli ta’ għaqdiet volontarji li jkunu ilhom jokkupaw propjetà għal ammont ta’ snin u jkunu jixtiequ jkattru l-kontribut fis-soċjetà.

Dan huwa Gvern li tassew ipoġġi n-nies fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu għaliex jinvesti direttament fin-nies u fil-komunitajiet tagħna. Is-suċċess ekonomiku li għamilna fl-aħħar snin kien il-pedament tal-bidla pożittiva li wettaqna f’kull qasam tal-ħajja. Gvern Laburista biss jista’ jiggarantixxi aktar suċċess biex inkomplu noffru kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji tagħna.

Ekonomija

Sport