Tuesday, May 14, 2024

IN-NATO

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Pajjiżna għandu esperjenza diretta tal-ħidma tan-NATO. Għall-maġġoranza tal-Maltin hi esperjenza minsija. Għax apparti mis-sehem diskutibbli ħafna li Malta qed tieħu bħalissa fil-programm tan-NATO, “Partnership for Peace” sehem qawwi ieħor tagħha seħħ fis-snin sittin tas-seklu l-ieħor: kompla sa nofs is-sena 1971.

F’pajjiżna in-NATO kienet tmexxi ċentru militari ta’ direzzjoni b’uffiċċji l-Furjana minn fejn kienu jiġu ġġwidati manuvri militari estensivi f’żoni mifruxa tal-Mediterran. L-ajruport ta’ Ħal-Luqa kien iservi ta’ ċentru għaċ-ċaqliq ta’ ajruplani ta’ sorvelja u spjunaġġ. Bastimenti tan-NATO fil-Mediterran kienu jinġabru fil-Port il-Kbir u jitilqu għall-manuvri minn hemm.

Il-gvern talab li Malta ssir membru tan-NATO. It talba qatt ma ttieħdet bis-serjetà. Minflok, tan-NATO kkonċedew li l-ambaxxatur Malti fi Brussell kull xahar ikollu intervista mas-segretarju ġenerali tagħhom.

Ma nistax nifhem kif hawn min jixtieq li mmorru lura għal dak iż-żmien!

REBĦA TA’ TRUMP

Ir-rebħa ta’ Donald Trump fl-elezzjonijiet presidenzjali Amerikani li riesqa xejn mhi ħaġa impossibbli. L-akbar problema ma tkunx il-politika tiegħu. Kien hemm presidenti qablu li pproponew politika leminija estrema kważi daqs tiegħu.

Biss is-sistema politika u amministrattiva Amerikana tiffunzjona qisha supertanker – mhux faċli li f’salt iddawwarha min-nord għan-nofsinhar. Tista’ tgħid li dan lanqas hu possibbli. B’xi mod jibdew jaħdmu brejkijiet u muturi mill-ġenb li jaffettwaw bil-kbir ir-rotta, hekk li dak li jintqal li jrid isir, ftit ikollu x’jaqsam ma’ x’jitwettaq fil-fatt.

L-agħar fir-rebħa ta’ Trump ikun li l-Istati Uniti jerġgħu jiġu mmexxija minn persuna li tgħix f’dinja ta’ gideb. Dawn jingħaġnu b’mod li f’kollox issaħħu l-impressjoni li l-istess persuna trawwem tagħha nnifisha: ta’ xi ħadd mogħni bl-aqwa intelliġenza, dehen u ħila.

KUMPANIJI TAL-AJRU

Ir-rimarki li għaddew ir-rappreżentanti tar-Ryan Air dan l-aħħar dwar l-Air Malta kienu żejda. Fost id-difetti li għandhom id-diriġenti tar-Ryan Air, dik tal-paroli żejda mhijiex l-iċken waħda.

Mela skont huma, l-Air Malta saret tajba biss biex taħdem għal passiġġieri elite waqt li huma qegħdin hemm biex ikabbru u jsostnu t-turiżmu lejn Malta. Bħallikieku dat-turiżmu ma telax fuq il-konnessjonijiet bl-ajru mal-Ewropa li l-Air Malta bniet sa mill-ewwel snin tagħha meta ħadd ma kien kapaċi jagħmel hekk. Kien fuq dil-ħidma li ta’ Ryan Air setgħu jibnu ħalli jiżviluppaw skont mudell differenti, n-negozju tal-ajru tagħhom. U rnexxielhom f’dan ukoll bil-benefiċċju ta’ sussidji li ngħataw mill-gvern u li l-Air Malta ma kellhiex.

Saru ħafna żbalji fit-tmexxija tal-Air Malta matul is-snin. Xorta waħda, bl-ebda mod m’għandu jiċċekken il-kontribut li l-kumpanija tat għall-iżvilupp ekonomiku… u iva, turistiku, ta’ dawn il-gżejjer.

Sport