Sunday, December 1, 2024

“Naqblu li l-Ewropa tkun għaqlija li jkollha d-difiża tagħha”

- Bernard Grech, Kap tal-Oppożizzjoni

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, f’intervista li kellu reġa’ pprova jiżgwida lill-poplu fejn tidħol il-kwistjoni tal-investiment tal-UE fid-difiża fejn qal li l-Prim Ministru Robert Abela qabel ma’ dan l-investiment iżda ma daħalx fid-dettall importanti li dan il-qbil mhuwiex għal xiri ta’ armamenti. Fl-istess nifs huwa ammetta li l-Partit Nazzjonalista jaqbel li l-Ewropa għandha tkun għaqlija li jkollha d-difiża tagħha.

Grech f’din l-intervista stqarr li huwa rrabjat u dan jiġġustifika l-mod kif beda jitkellem flimkien ma’ lista ta’ kritika repetittiva lejn Gvern Laburista fosthom dik tal-għoli tal-ħajja. Sfida li mhux pajjiżna biss qiegħed jiffaċċja imma l-bqija tad-dinja.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li, “il-verità hija l-għoli tal-ħajja tant ikkargat f’dawn l-aħħar snin u din bdiet qabel il-gwerra tal-Ukrajna, li illum qiegħda taffetwa kważi lil kulħadd. Inti taf li l-għoli tal-ħajja qiegħda taffetwak, lili wkoll għax immur nixtri u liż-żgħażagħ”.

Filwaqt li ħa ħsieb li ma jkunx interpretat li qiegħed jitkellem b’mod razzist, Grech għal darb’oħra semma’ l-mudell ekonomiku preżenti u kif nies li jaħdmu u jistinkaw għall-paga, il-paga tagħhom ma togħla qatt għax “issib lil xi ħadd ieħor jeħodlok xogħlok. Dawn huma fatti”.

Il-Kap tal-PN irribatta li għandna kriżi fil-popolazzjoni fejn f’dawn l-aħħar snin “żdiedet bil-mijiet tal-eluf. Dan huwa fatt fattwali. Il-working population tal-pajjiż irduppjat… Inti għalhekk qiegħed tħoss li hawn piż fl-infrastruttura, li hemm interuzzjonijiet ta’ dawl, traffiku, sptar iffollat u fl-ispazji pubbliċi fejn issib li hemm eluf ta’ Maltin imma, anke barranin, li jikkompetu għall-ispazju miegħek. Il-mudell ekonomiku preżenti seraq dak li aħna konna mdorrijin bih”.

Grech kompla jallega li l-Gvern preżenti ħalla l-poplu waħdu quddiem din l-isfida mentri rreklama lill-PN bħala l-partit li għandu soluzzjonijiet reali. “In-nies iridu soluzzjonijiet u aħna fittixna, ikkonsultajna, irriċerkajna u ħriġna bis-soluzzjonijiet. Tagħnihom lill-Gven fuq platt tal-fidda imma ma jridx jimplimentahom. Għalhekk la ma jridx, ikun Gvern Nazzjonalista li jimplimentahom fosthom li ma nintaxxawx il-COLA, li ngħinu lil min iħaddem b’benefiċċji ta’ kreditu fuq it-taxxi u mill-fondi ngħinu lil min jimporta u min jesporta f’pajjiżna. Fl-aħħar mill-aħħar se tgawdi int imma m’aħna se nħallu lil ħadd jabbuża,” wissa l-Kap tal-PN.

Bernard Grech ma naqasx li jkompli jipproa jiġbed nies lejn il-partit tiegħu billi jitfa’ dubji u biżgħa dwar affarijiet vaji. Dan anke fejn jidħlu l-pensjonijiet. Hawn allega li l-Gvern preżenti mhuwiex jagħti garanziji fuq il-pensjonijiet għax skont huwa, “ma kienx hemm roadmap b’saħħtu ta’ kif isaħħu l-pensjonijiet. Din hija responsabbiltà serja u l-Gvern irid iwieġeb għal din ir-responsabbiltà. Meta l-gvern jiġbor it-taxxi u l-bolla għandu jieħu ħsiebha u mhux iberbaqha. Smajna diversi stejjer f’dawn l-aħħar 10 snin. Waqt li jitberbqu l-flus, m’hemmx investiment fin-nies,” kompla jinċita l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Huwa temm jinsisti li bħala PN jemmnu fil-pjan ekonomiku tagħhom ta’ kwalità u li se jagħtu futur lill-Maltin u l-Għawdxin.

Sport