Minn Cristian Muscat
L-imħabba tal-president il-ġdid tal-Futsal Malta Association (FMA) is-sur Nathaniel Jones lejn il-futsal ma bdietx illum. Fil-fatt, il-vjaġġ tiegħu f’dan l-isport beda meta kellu biss 17-il sena u flimkien ma’ tlett iħbieb oħra ddeċieda li jwaqqaf tim. Kien pass sempliċi, iżda wieħed li biddel il-kors tal-ħajja sportiva tiegħu.
“Dak kien il-bidu ta’ kollox,” jistqarr Jones. “Minn hemm kompliet tikber l-imħabba tiegħi lejn il-futsal. Bdejt nitla’ ftit ftit, komplejt naħdem mat-timijiet u avvanzajt fid-diviżjonijiet differenti.”
Dak iż-żmien il-futsal amatorjali f’Malta kien ferm differenti minn dak li nafu llum. “Meta bdejt jien kien hawn madwar 72 tim bejn dawk amatorjali u oħrajn magħqudin mill-każini. Kien hemm moviment sabiħ ħafna u dik l-esperjenza għenitni nifhem kemm dan l-isport għandu potenzjal. Dak iż-żmien il-logħob kien isir barra fil-grawnds 5-a-side iżda f’dawn l-aħħar snin beda jsir fil-Padiljuni fosthom għal ħafna snin f’dak ta’ Kordin u aktar tard fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport.”
Issa, wara snin twal ta’ impenn u esperjenza, Jones ġie elett bħala l-President il-ġdid tal-Futsal Malta Association (FMA). Huwa jieħu post il-perit Mark Borg, li ddeċieda li ma jerġax jikkontesta l-kariga.
Jones qed iħares lejn din l-esperjenza l-ġdida b’ottimiżmu sħiħ. Dan is-sit elettroniku ħadlu l-kummenti tiegħu.
“Qed inħares lejn din il-kariga b’mod ferm pożittiv. Irrid inkompli l-ħidma kbira li saret mill-Perit Mark Borg. Huwa ħadem ħafna u rnexxielu jgħaqqad kumitati magħmula min-nies li dejjem kellhom għan wieħed, il-ġid tal-logħba. Aħna wkoll għaqqadna tim li lest ikompli jaħdem sabiex il-futsal Malti jkompli javvanza.”
Fost il-prijoritajiet ewlenin tal-FMA hemm it-tim nazzjonali tal-futsal, li Jones iqisu bħala wieħed mill-pilastri tal-assoċjazzjoni.
“It-tim nazzjonali huwa importanti immens għalina bħala assoċjazzjoni. Permezz tal-kampjonati li norganizzaw jiġu identifikati l-aqwa plejers sabiex jirrappreżentaw lil pajjiżna. Dan isir id f’id mal-Malta Football Association u huwa proċess li jkompli jsaħħaħ l-isport.”
Minkejja l-progress li sar, Jones jemmen li dejjem hemm lok għal aktar titjib.
“Il-livell tal-futsal f’Malta dejjem jista’ jitjieb. Għandna wieħed mit-timijiet tagħna li huwa fost l-aqwa fl-Ewropa, u dan għandu jservina ta’ ispirazzjoni. Irridu nibnu fuq dan il-momentum u noħolqu aktar timijiet li jilħqu livelli għoljin.”
Waħda mill-isfidi ewlenin tibqa’ dik tar-riżorsi u l-faċilitajiet disponibbli għat-taħriġ u l-kompetizzjonijiet.
“L-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke għandha slots limitati u din hija realtà li rridu naħdmu fuqha. Fl-istess ħin, SportMalta tatna spazji fil-Kottonera li qed jgħinuna fit-taħriġ tat-timijiet. Madankollu, għad hemm il-ħtieġa li nkomplu nsaħħu l-infrastruttura tagħna.”
Fil-fehma tiegħu, il-kampjonat lokali huwa wieħed tajjeb, iżda jista’ jkun saħansitra aktar kompetittiv.
“Inħoss li qegħdin fit-triq it-tajba. Għandna timijiet li qed jaħdmu b’serjetà kbira u li qed jgħollu l-livell tal-kompetizzjoni. Madankollu, dejjem hemm lok biex inkomplu ntejbu l-kampjonat tagħna, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwalità kif ukoll fil-parteċipazzjoni.”
Suġġett li jagħmel lil Jones kburi huwa l-iżvilupp qawwi li ra l-futsal tan-nisa f’dawn l-aħħar snin.
“Il-kampjonat tan-nisa ħa żvolta differenti ħafna. Kont wieħed mill-ewwel nies li tajt il-kontribut tiegħi f’dan il-proġett u nista’ ngħid li sar avvanz qawwi. In-numru ta’ plejers ta’ kull età baqa’ jiżdied u aktar tfajliet qed jissieħbu mal-klabbs. Dan juri li l-futsal tan-nisa qed jimxi ’l quddiem b’pass mgħaġġel.”
Jones jinsab sodisfatt ukoll bil-mentalità sportiva li qed tiżviluppa fil-pajjiż.
“Il-mentalità lejn l-isport f’Malta qed tinbidel. Kulħadd qed jieħu l-isport b’aktar serjetà. Qed naraw ukoll bilanċ aħjar bejn l-edukazzjoni u l-isport, speċjalment permezz tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport. Dan kollu juri li l-isport f’pajjiżna se jibqa’ javvanza.”
Meta jħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħu bħala President tal-FMA, Jones għandu viżjoni ċara.
“Waħda mill-affarijiet li nixtieq nara fil-futur hija l-ħolqien ta’ padiljun adegwat għall-kampjonati tagħna. Sar xogħol qawwi mill-Perit Mark Borg u mill-kumitat li kien hemm qablu sabiex issir pressjoni fuq l-awtoritajiet. Nemmen li fil-futur qarib jista’ jkollna l-kwartieri tagħna stess.”
Iżda l-ambizzjoni tiegħu ma tieqafx hemm.
“Irridu nressqu aktar klabbs lejn il-kampjonati tal-futsal, inkomplu nkabbru l-parteċipazzjoni u nagħmlu aktar ħoss milli sar fil-passat. Il-futsal għandu ħafna x’joffri u rridu nwasslu dan il-messaġġ lil aktar nies.”
Fl-aħħar tal-intervista, Jones kellu messaġġ ċar għal dawk kollha li qed jikkunsidraw li jibnu karriera fil-futsal.
“Il-futsal huwa sport interessanti ħafna. Huwa sport veloċi, li jitlob aġilità u li jagħtik l-opportunità li tagħmel ħbieb ġodda. Jista’ jagħtik sodisfazzjon enormi u joffrilek karriera sportiva sabiħa. Inħeġġeġ lil kull min hu interessat biex jagħti ċans lil dan l-isport, għax jista’ verament jibdel ħajtu, kif biddilha lili.”
U għal Nathaniel Jones, il-presidenza tal-FMA mhijiex biss kariga ġdida, iżda opportunità biex jagħti lura lill-futsal dak kollu li dan l-isport ta lilu matul is-snin.

