Fil-konfront tas-Sibt min-National League 1, bejn Qrendi u San Gwann, seħħ inċident bi player ta’ dawn tal-aħħar jittieħed l-istpar.
L-inċident, li kien wieħed sfortunat, seħħ fil-71 minuta meta l-player ta’ Qrendi, Christian Saint Ebisindor, laqat bil-minkeb lil dak ta’ San Gwann, Owen Sammut, li weġġa’ serjament, tant li ħariġlu ħafna demm. Huwa kellu jittieħed l-isptar fejn eventwalment sarulu diversi punti.
Min-naħa ta’ Saint Ebisindor, li ntwera karta ħamra diretta kien konxju tal-foul ikrah li kkommetta u filwaqt li talab apoloġija ħalla l-ground bil-kwiet u bil-kalma.
Imbagħad il-partita tkompliet wara waqfa ta’ ftit minuti.
F’dan l-istaġun, Sammut ġie utilizzat erba’ darbiet minn ħames partiti hekk kif lagħab żewġ partiti sħaħ u fit-tnejn l-oħra ġie ssostitwit, inkluża dik tas-Sibt … b’total ta’ 324 minuta. Barra minn hekk huwa ġie ammonit f’okkażjoni waħda – fir-rebħa ta’ 2-1 fuq Lija Athletic.
Intant, San Gwann għelbu lil Qrendi bl-iskor ta’ 3-1, bil-protagonista jkun James Sunday Falana (12, 28, 68) li rreġistra tripletta filwaqt li Dylan Micallef (49) wieġeb għal Qrendi.
Dan is-sit jawgura lil Sammut fejqan ta’ malajr biex ikun jista’ jirritorna fl-azzjoni fl-iqsar żmien possibbli.




