Id-depożiti tar-residenti komplew jiżdiedu
Fil-pubblikazzjoni tiegħu, il-Bank Ċentrali qal li d-depożiti tar-residenti Maltin f’istituzzjonijiet finanzjarji monetarji f’Malta komplew jiżdiedu b’ritmu qawwi. I l-kreditu lir-residenti Maltin kiber b’ritmu aktar mgħaġġel meta mqabbel mal-kwart ta’ qabel. Ir-rata tal-imgħax offruta lill-residenti u familji u lill-korporazzjonijiet mhux finanzjarji (NFCs) fuq id-depożiti pendenti tagħhom naqset meta mqabbla ma’ sena qabel, filwaqt li dik fuq is-self pendenti baqgħet l-istess. Għaldaqstant, id-differenza bejn iż-żewġ rati żdiedet matul dan il-perjodu.
Jiżdied it-tkabbir tal-ġid nazzjonali reali
Il-Bank Ċentrali jkompli jgħid li fit-tieni kwart tas-sena 2026, il-ġid nazzjonali reali żdied b’4.5 fil-mija fuq bażi annwali, minn 4.2 fil-mija fil-kwart ta’ qabel, bit-tkabbir ikun xprunat mid-domanda domestika.
Id-domanda domestika żdiedet b’6.4 fil-mija fuq bażi annwali wara żieda ta’ 6.5 fil-mija fl-ewwel kwart tas-sena 2026. Hija kkontribwiet 5.3 punti perċentwali għat-tkabbir tal-Prodott Domestiku Gross minn 5.1 punti perċentwali fit-tlett xhur ta’ qabel.
Dan irrifletta prinċipalment tkabbir ogħla fil-konsum tal-gvern, li żdied b’14.7 fil-mija, minn 10.7 fil-mija fil-kwart ta’ qabel. Fit-tieni tlett xhur tas-sena, it-tkabbir kien prinċipalment xprunat min-nefqa fuq il-konsum intermedju, minħabba n-nefqa mill-entitajiet tal-gvern, in-nefqa relatata ma’ proġetti kapitali li għadhom għaddejjin u n-nefqa fuq is-saħħa. B’mod ġenerali, il-konsum tal-gvern ikkontribwixxa 2.5 punti perċentwali għat-tkabbir tal-ġid nazzjonali.
Żieda fin-nefqa fir-ristoranti
Fir-rapport tiegħu, il-Bank Ċentrali jgħid li n-nefqa għall-konsum privat żdiedet b’3.7 fil-mija fuq bażi annwali, minn 3.1 fil-mija fil-kwart ta’ qabel. Din ikkontribwiet 1.7 punti perċentwali għat-tkabbir tal-ġid nazzjonali reali fil-kwart taħt reviżjoni. Id-data dwar il-Klassifikazzjoni tal-Konsum Individwali skont l-Għan (COICOP) turi żieda minn sena għal sena fil-kategoriji kollha tan-nefqa, bl-akbar żieda tkun irreġistrata fir-ristoranti u fis-servizzi ta’ akkomodazzjoni.
Is-servizzi jibqgħu l-mutur ewlieni tat-tkabbir ekonomiku
Jirriżulta li fit-tieni kwart tas-sena 2026, il-valur miżjud gross reali żdied b’5.0 fil-mija fuq bażi annwali u kkontribwixxa 4.7 punti perċentwali għat-tkabbir tal-ġid nazzjonali. Is-servizzi kkontribwew 4.3 punti perċentwali għat-tkabbir tal-PDG reali. Dan it-tkabbir kien prinċipalment xprunat mis-setturi tal-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, it-tiswija ta’ vetturi bil-mutur u muturi, it-trasport u l-ħażna, kif ukoll is-servizzi relatati mal-akkomodazzjoni u mal-attivitajiet ta’ servizz tal-ikel u s-servizzi relatati mal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. Kontribuzzjonijiet sinifikanti oħra ġew mis-settur tal-attivitajiet finanzjarji u tal-assigurazzjoni u mill-amministrazzjoni pubblika.
