Sunday, December 22, 2024

National STEM Community Fund 2024: Jitħabbru l-proġetti li se jibbenefikaw minn fondi taħt din l-iskema

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, tħabbru uffiċjalment il-proġetti li se jirċievu fondi taħt l-iskema għall-2024. In-National STEM Community Fundhuwa mmexxi min-National STEM Engagement Working Group, taħt Xjenza Malta, b’kollaborazzjoni ma’ Esplora. L-għan tal-fond huwa li jinkoraġġixxi lill-komunitajiet lokali biex jidentifikaw u jsolvu sfidi bl-użu ta’ STEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija, u Matematika) flimkien ma’ professjonisti fl-istess qasam.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, semma kif in-National STEM Community Fund jippermetti lill-komunitajiet lokali jindirizzaw kwistjonijiet lokali permezz ta’ STEM, fejn anke joħloq opportunitajiet innovattivi liċ-ċittadini.

Il-proġetti magħżula huma:

  1. The Dwejra Lines Project – Il-Kamra Maltija tax-Xjenzati. Dan il-proġett se jinvolvi liċ-ċittadini biex flimkien ma’ riċerkaturi jfasslu sistema ta’ ġbir ta’ informazzjoni fuq il-flora u l-fawna madwar id-Dwejra Lines.
  2. Botanical Bridges: Linking Education and Environment – Kulleġġ Sacred Heart. L-istudenti se joħolqu ġnien fl-iskola biex jitgħallmu dwar il-bijodiversità u r-responsabbiltà ambjentali.
  3. Tech Beyond Borders – Kunsill Reġjonali tal-Port. Tfal se jkollhom opportunità li jitgħallmu dwar teknoloġiji innovattivi bħal VR sets, waqt li jesploraw l-istorja tal-Port il-Kbir.
  4. DRIVE STEM – Kamra tal-Inġiniera. L-inizjattiva għandha l-għan li tattira aktar nisa lejn karrieri fl-inġinerija, permezz ta’ vidjows minn professjonisti STEM.

In-National STEM Community Fundhuwa komponent ewlieni tal-viżjoni ta’ Esplora biex jiżgura li STEM jkollu rwol fl-indirizzar tal-isfidi kurrenti. Bi sfidi globali bħat-tibdil fil-klima, it-trasformazzjoni diġitali u s-sostenibbiltà, l-edukazzjoni STEM hija aktar importanti minn qatt qabel.

Silvio Scerri, il-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta, qal: “Dan il-fond jagħti s-setgħa lill-komunitajiet lokali biex jidentifikaw sfidi u jsolvuhom bl-għajnuna ta’ professjonisti STEM, u jagħmel ix-xjenza aktar aċċessibbli”.

Rebecca Buttigieg, Chairperson tal-ISTEM Engagement Working Group, qalet li l-fond qed iħalli impatt pożittiv fuq il-komunitajiet Maltin u Għawdxin, u jħarsu ’l quddiem għar-riżultati tal-proġetti l-ġodda.

Ekonomija

Sport