L-ebda nazzjon Afrikan affettwat mill-varjant il-ġdid ta’ Mpox, ma rċieva xi vaċċin li aktar kmieni din il-ġimgħa kien imwiegħed li se jingħata mill-Ministeru tas-Saħħa tal-pajjiż.
Ċifri ppubblikati mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa juru li mill-bidu tas-sena sa issa, kien hemm madwar 18,000 każ ta’ Mpox fl-Afrika. Dan filwaqt, li r-rata ta’ imwiet kawża tal-istess virus jammonta għal 629.
Qed jiġi rrapurtat li l-istess varjant instab ukoll f’Burundi, fl-Uganda, fl-Irwanda, fil-Kenja, fl-Isvezja u fit-Tajlandja. Nhar il-Ġimgħa li għaddiet, il-Kap tad-WHO, Tedros Adhanom Ghebreyesus qal li l-ewwel tilqim kontra l-Mpox għandhom jaslu fil-jiem li ġejjin.
F’kumment li ta lill-midja, tabib tal-mard infettiv fl-isptar tat-tagħlim tal-Università tan-Niger Delta, qal li n-negliġenza kemm internazzjonalment kif ukoll mill-gvernijiet Afrikani fissret li, għexieren ta’ snin wara li l-mpox ġiet identifikata għall-ewwel darba, għad ma kienx hemm biżżejjed vaċċini jew saħansitra trattamenti disponibbli għall-pajjiżi affettwati.