Thursday, June 11, 2026

‘Nemmen li b’dedikazzjoni u impenn, l-aqwa mumenti jistgħu jkunu għadhom ġejjin’ – Sean Cini

Aqra wkoll

Sean Cini, il-kowċ tal-goalkeepers ta’ Birkirkara FC, sellem lill-klabb wara “seba’ staġuni indimentikabbli,” li matulhom mexxa lill-goalkeepers tat-timijiet tal-youths u tal-kbar ta’ Birkirkara.

Cini qal li “dak li beda bħala opportunità waħda sar vjaġġ mimli sfidi, tkabbir, memorji indimentikabbli, u konnessjonijiet tul il-ħajja. Hekk kif se nkun qed nibda kapitlu ġdid, nagħmel dan bi gratitudni immensa għal kull min għamel dawn is-seba’ snin daqshekk sinifikanti.”

Huwa fakkar fit-trijonf tal-FA Trophy minn Birkirkara matul l-istaġun 2022/2023, “kisba speċjali li rriflettiet ix-xogħol iebes, id-dedikazzjoni, u l-għaqda ta’ kulħadd involut.”

Cini għożż “il-passjoni u l-appoġġ inkredibbli tal-Birkirkara Ultras matul l-aktar mumenti importanti tal-klabb,” u wera gratitudni lejn il-partitarji dedikati tal-klabb li dejjem appoġġjaw lit-tim fil-mumenti tajbin u ħżiena.

Huwa rrimarka li se jkun qed iħalli l-klabb “bi kburija immensa u kuxjenza nadifa, konxju mill-fatt li ta dak kollu li kellu lil dan il-klabb,” filwaqt li rringrazzja lill-familjari, qraba u ħbieb tiegħu għall-appoġġ kontinwu tagħhom matul dan il-vjaġġ.

Dan is-sit għamel kuntatt ma’ Sean Cini nnifsu, fejn tana iktar dettalji.

Fi kliemu:

“Dawn is-seba’ staġuni jibqgħu speċjali ħafna għalija għax kienu mimlijin sfidi, emozzjonijiet u suċċessi li għenuni nikber kemm bħala persuna kif ukoll fil-futbol. Flimkien ksibna mumenti memorabbli, bnejna relazzjonijiet b’saħħithom u qsamna esperjenzi li se nibqa’ niftakarhom għal dejjem. Inħoss gratitudni kbira lejn il-klabb, il-plejers, l-istaff u l-partitarji kollha li kienu parti minn dan il-vjaġġ indimentikabbli ma’ Birkirkara FC.”

“Ir-rebħ tal-FA Trophy fl-istaġun 2022/23 jibqa’ l-aktar mument speċjali tiegħi ma’ Birkirkara. Kien suċċess li ġie wara ħafna xogħol, dedikazzjoni u sagrifiċċji minn kulħadd. Li nerfgħu t-trofew flimkien quddiem il-partitarji tagħna kienet emozzjoni kbira u memorja li se tibqa’ miegħi għal dejjem.”

“Inħares lejn il-futur b’ottimiżmu u determinazzjoni. Il-futbol tani ħafna esperjenzi sbieħ u għad għandi l-ambizzjoni li nkompli nikber, nitgħallem u nagħti l-aħjar tiegħi fejn ikun hemm l-opportunità. Bħalissa qed niffoka fuq il-pass li jmiss fil-karriera tiegħi, filwaqt li nibqa’ naħdem bis-serjetà u bl-umiltà li dejjem emmintu fihom. Nemmen li b’dedikazzjoni u impenn, l-aqwa mumenti jistgħu jkunu għadhom ġejjin.”

“Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, xtaqt infaħħar bis-sħiħ il-professjonalitá tal-goalkeepers Matthew Grech u Miguel Angel Martinez … kowċ tal-goalkeepers mingħajr il-goalkeepers tiegħu mhu xejn!”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport