Thursday, April 23, 2026

‘Nemmen li dan is-suċċess huwa riżultat ta’ diversi fatturi li jaħdmu flimkien’ – Jake Bezzina

Aqra wkoll


Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira ħafna. Il-familja tiegħi dejjem kienet involuta fl-isport. Għalhekk, kbirt f’ambjent fejn il-futbol dejjem jagħti fuq it-televixin u kont nispiċċa nsib ruħi insegwi bla ma rrid. Minn hemm bdejt bil-mod il-mod ninteressa ruħi fil-logħba, insaqsi fejn ma nifhimx, sakemm eventwalment żviluppajt passjoni kbira lejha.  

Naħseb il-fatt li missieri kien jeħodni nara l-logħob barra minn Malta għen ħafna wkoll.  U għalhekk, nagħti ħafna kreditu lill-ġenituri tiegħi, li minn età żgħira daħħluni f’nursery tal-futbol. Dan kien pass importanti ħafna li għenni nikber kemm bħala plejer kif ukoll bħala persuna.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Mġarr United FC.

Din kienet ir-raba’ sena tiegħi ma’ Mġarr United FC, u nista’ ngħid li l- esperjenza tiegħi hawnhekk kienet waħda tassew pożittiva u sodisfaċenti. Ovvjament, dawn l-aħħar sentejn kienu eċċezzjonali, hekk kif irnexxielna nirbħu żewġ kampjonati konsekuttivi mingħajr telfa waħda.  Din hi xi ħaġa li fil-futbol diffiċli ħafna tinkiseb, u naħseb li ma tantx tista’ tmur aħjar minn hekk.  Imma s-sentejn ta’ qabel maux ta min jinsiehom lanqas.

Naħseb li, għalkemm forsi l-klabb m’għandux l-akbar isem jew attenzjoni meta mqabbel ma’ oħrajn, fil-verità huwa klabb b’valuri sodi li jagħtik sens qawwi ta’ familja, u li jgħinek tħossok parti minn xi ħaġa akbar.

X’tahseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-Kampjonat tal-Minors ta’ Sezzjoni B minn Mġarr United FC, biex issa tlajtu għal Sezzjoni A?

Ma naħsibx li hemm sigriet wieħed partikolari għas-suċċess tagħna.  Nemmen li dan is-suċċess huwa riżultat ta’ diversi fatturi li jaħdmu flimkien. Kollox jibda mid-dedikazzjoni u l-impenn tal-plejers u tal-kowċis.  Barra minn hekk, hemm ħafna xogħol li jsir minn nies oħra fil-klabb li forsi ma jidhrux daqshekk, iżda xorta għandhom rwol importanti.

Kieku jkolli nagħżel fattur wieħed li għamel id-differenza, dan ikun is-sens ta’ għaqda li hemm fil-grupp. Hemm relazzjoni b’saħħitha bejn il-plejers, u din tidher ukoll fil-grawnd.  Dejjem niġġieldu għal xulxin, nimmotivaw lil xulxin u ma naqtgħu qalbna qatt.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Kurt Baldacchino?

Coach Kurt huwa kowċ dedikat ħafna. Mingħajr ebda dubju, ma konniex naslu biex nagħmlu dak li għamilna f’dawn l-aħħar sentejn kieku ma kienx għalih u Coach Gianluca miegħu.

Minbarra li huwa b’saħħtu ħafna tattikament u jaf il-logħba sew, hu jibni relazzjoni personali ma’ kull plejer. Dan jgħin biex jinħoloq dak is-sens ta’ għaqda fit-tim li semmejt qabel.

Waħda mill-affarijiet li tispikka fih hija li jaf jinżel għal-livell tal-plejers u f’ċerti mumenti, kważi jsir wieħed minna. Miegħu m’hemmx dak id-distakk fejn plejer iħossu inferjuri għalih, u naħseb li din hija waħda mill-affarijiet li tiddistingwih minn kowċis oħra. Dan jgħin biex jil-plejers iħossuhom komdi, motivati u lesti jagħtu l-aħjar tagħhom għat-tim. 

Kif qed tħares lejn il futur tiegħek fil-futbol?

Bħalissa ma tantx qed naħseb fut il-futur tiegħi biex inkun onest.  Nippreferi nħares lejn il-preżent u napprezza din l-esperjenza għalissa. Għax ladarba qiegħed f’tim fejn nieħu gost meta jasal il-ħin biex immur għat-training, m’għandix xi ngerger.

Madankollu, mhuwiex sigriet li sfortunatament f’Malta huwa diffiċli ħafna li tasal biex tkun plejer professjonali full-time. Imma nemmen li xi drabi, inqas ma tippjana u minflok tħalli l-affarijiet jiżviluppaw b’mod naturali, aħjar. Għalhekk, il-futur tiegħi fil-futbol għadu mhux definit, u nemmen li dan ikun pass li jiġi deċiż maż-żmien, skont kif jimxu l-affarijiet u x’opportunitajiet jinqalgħu.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol.

Il-messaġġ tiegħi huwa biex ma taqtgħu qalbkom qatt. Il-futbol huwa sport li jgħallem ħafna, mhux biss fuq il-grawnd imma wkoll fil-ħajja. Ibqgħu dedikati u dejjem kunu lesti biex titgħallmu, anke mill-iżbalji.

Fl-aħħar mill-aħħar, gawdu dak li qed tagħmlu. Gawdu l-ħin tagħkom fil-futbol għax m’hemm xejn aħjar milli meta tkun qed tieħu pjaċir tilgħab!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport