Sunday, November 24, 2024

Nemmen li għandi futur sabiħ fl-industrija tal-esports – Ryan Cauchi

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-esports?

L-imħabba għall-esports bdiet eżattament meta seħħet l-ewwel edizzjoni tal- Malta BOV E Premier League għaliex qabel kont nilgħabha għall-gost, peró, x’ħin sirt naf li se kien se jsir tournament ta’ livell għoli ħafna iddeċidejt li napplika għall-qualifiers u saħansitra kont għaddejt mal-ewwel u kklassifikajt fit-tielet post ukoll.

Kif tiddeskrivi x-xena tal-esports f’Malta?

Fil-fehma tiegħi, l-esports hawn Malta kiber ħafna speċjalment fl-aħħar snin hekk kif qegħdin isiru avvenimenti kbar kif ukoll ħafna iktar nies qegħdin jidħlu f’din l-industrija u anke min-naħa tal-organizzaturi qiegħed isir ħafna xogħol kontinwu sabiex l-esports f’pajjiżna ikompli jikber minn sena għall-oħra.

X’tikkummenta fuq min jgħid li l-esports ma jistax jitqies bħala sport?

L-esports huwa sports peró mhux se tqabblu ma’ ‘active sports’ minħabba l-fatt li m’hemmx eżerċizzju attiv involut peró xorta jista’ jitqies bħala sport għax speċjalment qabel il-logħob trid tiekol tajjeb sabiex mentalment tkun f’pożizzjoni tajba u tkun tista’ tikkonċentra bl-aħjar mod possibli.

X’tikkummenta fuq l-aħħar kampjonat ma’ Sliema Wanderers fejn temmejt runner-up?

Nista’ ngħid li kont onorat li rrapreżentajt klabb ta’ storja kbira bħal mhu Sliema Wanderers fejn anke kellhom staġun tajjeb ħafna fil-Kampjonat Premer lokali. Kelli ħafna sapport min-naħa tagħhom tul il-kompetizzjoni u personalment din is-sena tejjibt il-livell tiegħi fil-logħba u kont verament viċin sabiex nirbaħ l-edizzjoni ta’ din is-sena.

U għaliex għażilt proprju lil Sliema Wanderers biex tikkompeti magħhom?

Bħalma diġá għidt, Sliema Wanderers kien wiehed mit-timijiet li xtaqt nirrapreżenta u meta ġiet l-opportunitá ħadtha mal-ewwel għaliex huwa klabb ta’ storja u anke min-naħa tal-partitarji jagħtuk is-sapport tagħhom u jibqgħu jiftakru s-suċċess li tkun ksibt għall-klabb tagħhom.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-esports?

Personalment, fis-snin illi ġejjin, nemmen li għandi futur sabiħ f’din l-industrija wara li dejjem ikkwalifikajt f’dan it-tournament u saħansitra dis-sena ikklassifikajt fit-tieni post, u bla dubju tagħtik ċerta kunfidenza sabiex tkompli tikkompeti minn sena għall-ohra. Ma nistax ma nirringrazzjax lill-kowċ tiegħi Francesco Camilleri tal-ħin twil li jqatta’ miegħi matul il-prattika u mingħajru żgur li dan is-suċċess ma kienx ikun possibli.

Għaddi messaġġ finali lil min bħalek jixtieq jibda jieħu bis-serjetà l-esports.

Il-messagg tiegħi huwa biex min huwa interessat jibda jikkompeti f’din l-industrija ma jaqtax qalbu u jekk jaħseb li għandu talent biżżejjed sabiex ikollu karriera, ninkoraġġih sabiex jieħu l-opportunitá u ma jaqta’ qalbu qatt anke jekk ma jirnexxilux fil-bidu!

Sport