Wednesday, April 30, 2025

Nemmen li hawn talent peró l-istrutturi ta’ kif qed naħdmu biex niżviluppaw il-plejers għandhom numru ta’ problemi li jridu jiġu indirizzati – Kurt Baldacchino

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Bdejt inħobb il-futbol ta’ etá żgħira minħabba ħuti li huma erba’ snin ikbar minni, u apparti li kont narahom dejjem jilagħbu l-futbol, kienu wkoll ipoġġuni goalkeeper biex jipprattikaw, jew ħewwa d-dar stess, inkella ġewwa l-bandli jew il-grawnd tax-Xgħajra li dak iż-żmien kien ikun miftuħ għall-pubbliku.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala assistant coach ta’ Mgarr U. FC, u kowċ tat-tim tal-youths tal-istess tim?

Fil-klabb tal-Mġarr sibt ambjent sabiħ … nazzarda nghid li ftit klabbs hawn Malta għandhom ambjent u atmosfera sabiħa bħal ta’ Mgarr United FC. Wara li l-istaġun li għadda ingħaqadt magħhom fi Frar bħala Assistant Coach ta’ Brian Spiteri u ksibna r-rebħ tal-kampjonat tal-Amateur League, dan l-istaġun żammejt l-istess rwol fiċ-Challenge League flimkien ma’ rwol ieħor, dak ta’ kowċ tat-tim tal-Youths (U21). Kuntent li żammejna postna fiċ-Challenge League kmieni billi ġejna mal-ewwel tmienja, u kburi li rbaħna l-Kampjonat tal-Youths u l-promozzjoni għal Sezzjoni C.

X’tikkkummenta fuq is-suċċess li ksibtu meta rbaħtu l-Kampjonat tal-Youths fil-jiem li għaddew?

Onestament, kelli ħafna riservi fuq jekk għandix nikkowċja tim tal-Youths għax ħafna ħbieb u kollegi tiegħi li kienu jikkowċjaw jew għadhom jikkowċjaw fil-kategoriji tal-Youths, kollha jiddeskrivu din il-kategorija bħala waħda diffiċli biex tikkowċja minħabba varji fatturi, fosthom li numru ta’ plejers ma jkunux miegħek għat-taħriġ għax ikunu mat-tim tal-kbar, filwaqt li f’din l-etá, il-plejers jew ikunu bdew jaħdmu jew għadhom skola sa tard bil-lejl, li jaf ittellifhom milli jattendu għat-taħriġ. 

Għall-grazzja t’Alla, dan ma kienx il-każ tiegħi għax sibt grupp ta’ plejers dedikatissimi u lesti li jitgħallmu. Kellna dressing room ukoll magħquda ħafna u dan kollu għen biex nirbħu l-kampjonat bla telfa. Kburi wkoll li spiċċajna l-kampjonat bi 23 plejer, li meta tqis iċ-ċokon tal-Mġarr u s-sezzjoni fejn konna qed nilagħbu, huwa numru sabiħ ħafna.

Ma kinitx faċli għall-bidu għax tlifna tmien plejers mill-istaġun ta’ qabel – sitta minnhom għax qabżu minħabba l-etá u tnejn oħra għax ma ġeddewx il-kuntratt tagħhom mal-klabb. Peró, telgħu numru ta’ tfal mill-Under 17 li minkejja l-etá żgħira tagħhom taw kontribut enormi, filwaqt li akkwistajna erba’ plejers oħra li flimkien mal-plejers li baqgħu mill-istaġun ta’ qabel, għenuna bis-sħiħ biex niksbu dan is-suċċess. Nirringrazzja lill-kowċis tas-sena ta’ qabel tax-xogħol siewi li għamlu ma’ dawn it-tfal.

Huwa fatt maghruf li t-tim tal-kbar ta’ Mġarr U. FC utilizza bosta plejers żgħażagħ. X’inhu s- sigriet ta’ dan is-suċċess?

Matul l-istaġun kellhom iċ-ċans jilagħbu fil-kampjonat u fit-tazzi disa’ plejers mill-Youths tagħna, tnejn minnhom b’mod regolari. Kien hemm oħrajn li  ma ddebbuttawx imma kellhom opportunitajiet jittrenjaw u jipparteċipaw f’logħbiet ta’ ħbiberija. 

Nemmen li biex tim fiċ-Challenge League ikollu s-suċċessi irid ikollu taħlita ta’ plejers ta’ esperjenza u oħrajn żgħażagħ li magħhom iġibu enerġija, entużjażmu u motivazzjoni. Ovvjament trid toqgħod attent kif tutilizza il-plejers żgħażagħ, u mhux taqbad u titfagħhom f’sitwazzjonijiet diffiċli jew antipatiċi. U l-kowċ Brian Spiteri ħadem tajjeb ħafna fuq dan l-aspett.

Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?

Nemmen li hawn talent peró l-istrutturi ta’ kif qed naħdmu biex niżviluppaw il-plejers għandhom numru ta’ problemi li jridu jiġu indirizzati.

L-ewwelnett, m’hawnx kurrikulu nazzjonali biex in-nurseries u l-kowċis Maltin ikollhom linjii gwida ta’ kif għandhom jgħallmu u jiżviluppaw il-plejers. Għandna 60 nursery u kulħadd jaħdem b’mod differenti. Huwa fatt ukoll li fil-grassroots mhux kull kowċ għandu l-kwalitá jew l-esperjenza neċessarja, allura iktar għandhom bżonn għajnuna biex ikunu jistgħu jagħmlu xogħol tajjeb. 

Indur ħafna grawnds u sfortunatament ftit nara kowċis jaħdmu fuq teknika individwali. Hawn fissazzjoni fuq tattika kollettiva u kif intellgħu l-ballun minn wara u kif nippressaw, imma ftit niffukaw fuq l-indvidwali bħal kif iżżomm ballun, kif tqassam ballun, kif tixxuttja, kif taqbeż plejer, kif tiġri bil-ballun, kif tiddefendi 1v1, kif tiddefendi ‘wall-pass’, u affarijiet bażiċi bħal dawn.

Inżid ma’ dan kollu, il-fatt li ħafna mill-aqwa plejers tagħna qegħdin jipprattikkaw il-football f’żewġ jew tliet strutturi differenti. Dawn huma, mal-klabb tagħhom, mal-Hubs tal-MFA, u uħud minnhom jattendu skola tal-isport ukoll. Biex ma nsemmix li hawn min anke jattendi skejjel privati. Dawn huma kollha strutturi li jaħdmu b’mod differenti, b’kowċis differenti u lill-plejers qed jagħtuhom ħafna informazzjoni li jaf ma taqbilx ma’ ta’ xulxin. Għalhekk, hemm bżonn iktar ko-ordinazzjoni bejniethom.

Punt iehor huwa x-xjenza sportiva, li huwa suġġett fejn għadna 30 sena lura bħala pajjiż. Din bilkemm tezisti fil-futbol tal-kbar hawn Malta, aħseb u ara fil-grassroots.

L-aħħar punt li nixtieq insemmi u diffiċli wieħed jindirizza huwa fuq id-deċiżjonijiet li jieħdu ż-żgħażagħ jew li jieħdu għalihom il-ġenituri. Nara ħafna plejers li jippruvaw jgħaġġlu l-iżvilupp tagħhom u jieħdu deċiżjonijiet ħziena. L-iżvilupp ta’ player mhux ta’ kulhadd huwa l-istess u mhux xi ħaġa lineari. Wieħed għandu jkun paċenzjuż u jistenna sakemm jasal il-mument tiegħu. L-importanti li jaħdem f’ambjenti tajbin u ma’ kowċis ta’ kwalitá.

Nemmen li hawn talent peró l-istrutturi ta’ kif qed naħdmu biex niżviluppaw il-plejers għandhom numru ta’ problemi li jridu jiġu indirizzati.

U dak tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Naturalment, inbidel ħafna, mhux lokalment biss. Il-futbol sar ħafna iktar tattiku u fiżiku, inkluż ġo pajjiżna, peró, dan ma jfissirx li għandna ninsew il-lat tekniku tal-logħba, speċjalment fil-futbol taż-żgħażagħ. 

Hawn Malta inbidel ukoll għall-fatt li żdiedet il-kompetizzjoni ma’ plejers u kowċis barranin. Il-Malti jrid jaqdef iktar biex jikkompeti fl-ogħla livelli, bħalma jrid jaqdef jekk irid jagħmilha barra minn pajjiżna.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Fiċ-Challenge League lgħabna dejjem fil-Victor Tedesco Stadium fil-Hamrun jew fis-Centenary Stadium Ta’ Qali. Dak tal-Hamrun kellu wiċċ turf ġdid peró d-dawl għadu mhux tajjeb jekk tinzerta logħba filgħaxija. Bħala dressing rooms, nemmen li ż-żewġ stadia huma attrezzati sew.

Sfortunatament peró, il-grawnds ma jixxarbux dejjem, jew nazzarda ngħid kważi qatt, li tnaqqas xi ftit mill-kwalitá diġá limitata tal-futboll f’dawn il-livelli.

Bħala Mgarr United FC, ukoll għadu kif inbidel il-wiċċ tat-turf, filwaqt li l-klabb investa f’gym ġdid u ‘recovery room’. Għandna wkoll fejn nagħmlu l-analiżi u numru ta’ dressing rooms għall-gruppi kollha li jitħarrġu mal-klabb. Nahseb li kkumparat ma’ timijiet oħra f’din id-diviżjoni, u anke ta’ ċerti timijiet fil-Malta Premier, għandna riżorsi tajbin ħafna.

Fejn jidħlu logħob tal-Youths, sfortunatamenent mhux kull grawnd huwa attrezzat kif suppost, kemm bħala turf u anke bħala dressing rooms u dawl.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Inħobb ħafna l-futbol tal-youths u dak tal-grassroots għax insib sodisfazzjon kbir meta nara plejers żgħażagħ jitjiebu u jipprogressaw. Peró, nammetti li f’dawn l-aħħar 15-il xahar involut fil-futbol tal-kbar ħadt pjaċir ukoll u nixtieq inkompli nitgħallem kemm minn kowċis oħrajn, kif ukoll minn esperjenzi differenti, sabiex inkompli niżviluppa bħala kowċ.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Mhux kulħadd jista’ jagħmilha fl-ogħla livelli tal-futbol. Peró, jekk trid tkun wieħed minn dawk il-ftit, trid taħdem aktar u aħjar mill-ħafna ta’ madwarek. Trid ħafna dedikazzjoni, impenn, sagrifiċċji u tassorbi kemm jista’ jkun tagħlim. Tgħaġġilx u ħu pariri mingħand nies li mhux biss jifhmu, imma jridulek il-ġid. U meta jiġi ċ-ċans, ħu pjaċir, u ħudu!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport