Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-weightlifting?
Minn mindu kont żgħira, dejjem niftakar lil missieri, Jesmond, jiġri ’l hemm u ’l hawn – kultant sejjer għal xi kompetizzjoni biex jerfa’ hu stess, kultant nitgħallmu miegħu u nistudjaw biex jgħaddi mill-eżamijiet u jsir referee. Kull pass tiegħu fid-dinja tal-weightlifting kien juri passjoni li ma setgħetx tgħaddi inosservata.
Dik l-istess passjoni, maż-żmien, ġiet trażmessa lilna wkoll. Jien u oħti trabbejna f’ambjent fejn il-weightlifting mhux biss kien sport, imma stil ta’ ħajja. Dejjem konna hemm—nieħdu sehem, ngħinu, nappoġġjaw. Ma konniex biss spettaturi; konna parti mill-isport, mill-komunità, mill-familja tiegħu.
U hekk bdiet l-imħabba tiegħi lejn il-weightlifting.
Iddeskrivi r-rwoli diversi tiegħek fil-weightlifting.
Matul is-snin, kelli l-opportunità nagħmel diversi rwoli fil-weightlifting – kull wieħed b’importanza diversa.
Wieħed mill-aktar rwoli magħrufa huwa dak ta’ referee, fejn niġġudikaw kull refgħa tal-atleti kemm fl-snatch kif ukoll fil-clean and jerk. Hawnhekk, trid tkun attenta għal kull dettall tekniku u tara li r-refgħa issir skont ir-regolamenti internazzjonali.
Rwol ieħor essenzjali huwa dak ta’ Chief Marshal – f’din il-pożizzjoni inti tmexxi l-andament tal-kompetizzjoni minn wara l-kwinti. Tkun responsabbli li tiżgura li l-atleti, il-kowċis u l-uffiċjali kollha jimxu mar-regoli, u li kollox jimxi ħarir.
Bħala Time Keeper, ir-responsabbiltà tiegħek tkun li tara li kull atleta joħroġ fil-ħin allokat għalih.
Matul dawn il-kompetizzjonijiet, ma tistax tagħżel rwol wieħed u tagħmel biss dak. Trid tkun versatili u tajba f’kull pożizzjoni li tingħata lilek. Huwa għalhekk li nagħmlu korsijiet kontinwi – kemm f’Malta kif ukoll barra minn pajjiżna – biex inkomplu ntejbu l-livell tagħna u nkunu f’pożizzjoni li nirrappreżentaw lil Malta bl-aqwa mod possibbli fuq livell kemm nazzjonali u kif ukoll internazzjonali.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil karriera tiegħek sa issa?
Fil-karriera tiegħi ilħaqt l-ogħla kategorija ta’ referee tal-weightlifting – xi ħaġa li fethitli ħafna bibien fid-dinja ta dan l-isport. Wieħed mis-suċċessi li ngħożż l-aktar fil-karriera tiegħi bħala uffiċjal tal-weightlifting kien li ġejt magħżula biex nirrapprezenta lil pajjizna bħala uffiċjal fil-Commonwealth Games tal-2018 ġewwa Gold Coast, fl-Awstralja. Din kienet esperjenza tassew unika u ta’ livell għoli ħafna, fejn atleti ta’ klassi mondjali ġew biex jikkompetu u juru l-aqwa tagħhom.
Kif tqis il-livell tal-weightlifting f’pajjiżna fil-preżent?
Il-weightlifting f’Malta, speċjalment f’dawn l-aħħar snin, kiber ħafna, mhux biss bin-numru ta’ atleti imma ukoll rajna qabża kbira fil-kwalità. Rajna progress sostanzjali mhux biss fil-livell tal-prestazzjoni tal-atleti, imma wkoll fir-rikonoxximent internazzjonali li qed nirċievu bħala pajjiż.
Grazzi għall-impenn u l-persistenza ta’ atleti bħal Rylee Borg, Tenishia Thornton u Kim Camilleri Lagana flimkien mal-kowċ tagħhom Jesmond Caruana, il-weightlifting Malti issa qiegħed jispikka aktar fuq livell Ewropew u anke dinji. Mhux biss qed naraw żieda fil-medalji, iżda qed inġibu wkoll unuri prestiġjużi li jpoġġu lil Malta fuq il-mappa sportiva globali.
U dak tar-riżorsi fejn ikollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
Għalkemm Malta hi gżira żgħira u l-weightlifting għadu mhux daqshekk popolari daqs sportijiet oħra bħal futbol, hemm ħidma kontinwa u serja biex jitjiebu r-riżorsi għall-atleti li jridu jkomplu javvanzaw fil-karriera sportiva tagħhom.
Prova ċara ta’ dan hu l-kumpless il-ġdid fil-Marsa, li jipprovdi spazju modern u adattat għat-taħriġ u l-kompetizzjonijiet. Din il-faċilità mhux biss tejbet il-livell tal-infrastruttura, imma wkoll tkompli tagħti motivazzjoni lil atleti u turi impenn serju lejn l-isport f’pajjiżna.
Mhux biss qed jinħolqu spazji fiżiċi, imma qed tinbena wkoll komunità dedikata u professjonali – bil-kowċis, referees, uffiċjali u voluntiera kollha jaħdmu flimkien biex noffru l-aħjar ambjent għall-atleti tagħna.
Jekk nibqgħu mexjin f’din id-direzzjoni, nemmen li l-weightlifting f’Malta jista’ jkompli jikber u jasal għal livelli li ftit snin ilu kienu biss ħolma.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-weightlifting?
Fil-futur, nixtieq inkomplu nikber fil-karriera tiegħi bħala uffiċjal bil-ħoma ewlenija tibqa dejjem dik li nista’ nirrappreżenta lil Malta fl-Olimpjadi.
Is-suċċess f’dan l-isport ma jinkisibx biss bis-saħħa fiżika, imma wkoll bis-saħħa tal-karattru. Il-veru rebbieħ mhux dawk li jerfaw l-iktar piż, imma dawk li jqumu bi ħġarhom għal kull sfida; dawk li jirrispettaw mhux biss ir-regoli, imma ukoll lill-kowċ, lill-uffiċjali, u fuq kollox lill-kompetituri tagħhom.