Is-sondaġġi jew aħjar is-surveys x’valur għandhom? Ngħid għalija nqishom bħala ritratt li jittieħed f’mument partikolari. Bħal fil-każ tal-fotografija, ir-ritratt jiddependi minn liema anġolu jittieħed u minn dak li jkollok quddiemek x’inhu l-aktar aspett li trid tiffoka fuqu. Is-sondaġġi jiddependu fuq il-metodoloġija li tintuża u hemm fatturi varji li jistgħu jwasslu għal varjazzjoni fir-riżultati.
Is-surveys ippubblikati fl-aħħar jiem tista’ tgħid li kkonfermaw tliet affarijiet – jekk issir elezzjoni ġenerali il-Partit Laburista jikseb mandat elettorali mil-ġdid b’distakk ta’ voti inqas mill-elezzjoni tal-2022 imma akbar minn dak miksub fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju 2024. Robert Abela jibqa’ l-aktar mexxej politiku afdat mill-elettorat. Bernard Grech konsistentament jibqa’ mexxej politiku bi kredibilità baxxa ħafna inqas minn dik li jgawdi l-Prim Ministru Robert Abela.
Minn dawn it-tliet aspetti hemm diversi punti li wieħed jista’ jislet. Filwaqt li l-Partit Laburista jgawdi mill-appoġġ elettorali tal-maġġoranża tal-votanti, wieħed ma jistax jinjora l-fatt li hemm numru konsiderevoli ta’ votanti li taw l-appoġġ tagħhom lill-Partit Laburista fl-ahhar elezzjoni ġenerali u li issa qed jgħidu li m’għandhomx intenzjoni li jivvutaw. Dan fih innifsu jeħtieġ analiżi profonda speċjalment biex wieħed jifhem ir-raġunijiet ta’ dan ir-riżultat fis-sondaġġ.
Il-Partit Laburista jehtieġ, bhala partit, iniedi proċess estensiv ta’ analiżi biex jistabilixxi għalfejn hemm nies li qed jagħżlu li ma jivvutawx meta tliet snin ilu taw l-appoġġ tagħhom lill-Partit Laburista. Ir-raġunijiet jistgħu ikunu bosta imma ma naħsibx li għandu jkun proċess simplistiku fejn jingħad li hemm min ma jridx jivvota biss għax iħoss li ma nqediex. Wieħed irid iħares lejn dan l-aspett b’moħħ miftuħ u biex wieħed jifhem bl-aħjar mod ir-raġunijiet.
Jibqa’ fatt li l-Prim Ministru Robert Abela igawdi minn fiduċja b’saħħitha. Dan jista’ jitqies bħala element importanti ferm għaliex din il-fiduċja għandha tissarraf f’ħidma biex jiġu indirizzati dawk l-oqsma fejn il-gvern jista’ jkompli jtejjeb il-ħidma tiegħu. Il-fiduċja tista’ tkompli tissaħħaħ jekk il-ħidma tal-gvern tibqa’ tibni fuq it-tajjeb li sar u li qed iseħħ filwaqt li jiġi indirizzat it-tibdil meħtieġ. It-tiġdid u tibdil għall-aħjar huma riċetta biex il-fiduċja b’saħħitha tibqa’ tiżdied.
It-tielet aspett jirrifletti fuq Bernard Grech. Minkejja kull sforz, kull tentattiv u kull stqarrija li jipprova jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni, il-votant Malti mhux qed jagħtih fiduċja. Sondaġġ wara l-ieħor, għal Bernard Grech l-affarijiet jibqgħu l-istess. Kif jgħidu l-Inġliżi “He is not making any inroads”. Jgħid kemm jgħid mod ieħor, ir-riżultati f’dawn is-sondaġġi jibqgħu l-istess. Ħafna għalhekk qed jistaqsu x’hemm għal Bernard Grech fid-dawl ta’ dan kollu fil-futur qrib?
Qalu se jaħsbu fik
Il-Ħadd li għadda Bernard Grech qal li l-gvern Nazzjonalista se jaħseb fik. Il-mistoqsija ovvja hija waħda kif se jahseb fik? L-aħħar li f’pajjiżna kellna gvern Nazzjonalista bosta jiftakru kif kien jiftakar fik il-gvern. Ħa nsemmi xi eżempji. Kien jiftakar fin-nies meta fuq ix-xefaq kien jara l-maltemp ġej u flok jagħmel l-għażliet favur il-familji kien jibda’ jgħabbi l-piżjiet lin-nies. Minflok kien jara kif joffri prezzijiet tal-enerġija, tad-dawl u l-ilma u fjuwils li ma jkissrukx, kien jagħżel bil-qalb li jgħabbi dawn il-piżijiet fuq in-nies.
Kien hemm min qal li lest jilgħab imħatra fuq il-futur tal-fabbriki filwaqt li n-numru tan-nies li jirreġistraw għax-xogħol baqa’ jogħla sa livelli record. Kien jiftakar fin-nies speċjalment fil-pensjonanti meta kien jgħid li l-pensjonijiet ma kinux sostenibbli. Issa li qed naraw ir-ritorn ta’ Simon Busuttil u n-nies ta’ Gonzi fil-qalba tal-PN, tajjeb niftakru x’togħma kellha r-riċetta li ħadmu dawn in-nies.
L-Unjoni Ewropea Assenti
Mal-mejda tan-negozjati fid-diskussjonijiet dwar il-paċi fl-Ukranja, l-Unjoni Ewopea jidher li se tkun assenti. Dawk li ma tilfux opportunità ta’ ritratti ma’ Zelensky u li stiednu lil Zelensky f’tant laqgħat, issa sabu ruħhom barra min-negozjati. Interessanti li dan kollu qed iseħħ meta l-Unjoni Ewropea riedet tagħti sħubija lill-Ukranja bi proċess fast-track. It-tmexxija tal-Unjoni Ewropea x’se tgħid dwar dan?