Dawn l-ewwel 100 jum ta’ Gvern Laburista ġdid kienu jiem ta’ diversi suċċessi u riżultati pożittivi, wegħdi kruċjali li jagħmlu differenza f’ħajjet in-nies u li twettqu imma wkoll numru ta’ sfidi. Biex wieħed jasal għal ġudizzju ġust – għal dawn l-ewwel ftit jiem ta’ Gvern Laburista – irid ipoġġi dawn il-fatturi kollha flimkien.
F’dawn il-paġni se nagħtu ħarsa lejn uħud mis-suċċessi, sfidi u wegħdi mwettqa ta’ dawn l-aħħar ġimgħat.
Ekonomija b’saħħitha: Mingħajrha l-pajjiż jistaġna
Hawn min jirraġuna u jaħseb li l-flus jaqgħu mis-sema’ u li l-ekonomija tikber waħedha, mingħajr direzzjoni, sforz jew viżjoni.
Hemm min din tal-ekonomija jeħodha for granted – jew kważi, kważi jirraġuna illi hemm bżonn inċekknu l-ekonomija.
Ħa nibdew billi nifqgħu din il-bużżieqa: Ekonomija ma ċċekkeniex; Jew se tikber jew se tistaġna u sussegwentement tmur lura u allura 1) Jonqos ix-xogħol 2) Jonqsu l-flus fl-idejn 3) Jonqos il-konsum 4) Jonqos id-dħul tal-Gvern mit-taxxi u l-VAT 5) Jiddaħħlu taxxi biex jagħmlu tajjeb għat-tnaqqis fid-dħul tal-Gvern u 6) F’każi estremi , benefiċċji jkollhom jitnaqqsu jew inkella jiġu phased out filwaqt li proġetti kapitali jaqgħu lura.
Il-flus mhux kollox veru, imma il-flus huma ż-żejt li bihom il-magna timxi. U f’dawn il-100 jum il-magna kompliet tiġri b’saħħa.
Sitt darbiet daqs l-Italja u 13-il darba daqs il-Ġermanja
It-tkabbir ekonomiku huwa proġettat li jkun 3.8% din is-sena u jibqa’ fl-istess livelli sal-2028. Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena il-Prodott Domestiku Gross (GDP) kiber bi kważi 4% jew żieda ta’ €400 miljun. Il-GDP totali kien ilaħħaq it-€6.2 biljun bejn Jannar u Marzu li għadda.
Fl-ewwel kwart tal-2026, l-ekonomija tal-bqija tal-UE kibret b’1.1% biss.
Filwaqt li f’Lulju l-inflazzjoni (il-prezzijiet u l-għoli tal-ħajja) naqset, din is-sena wkoll sa issa, Malta qed tara diversi setturi ekonomiċi f’saħħithom.
Turiżmu: Skont ċifri tal-NSO f’Lulju Malta laqgħet kważi nofs miljun turist. Din kienet tfisser żieda’ ta’ 20.8% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena li għaddiet. Skont iċ-ċifri tal-NSO, f’Lulju t-turisti nefqu f’Malta €538 miljun, żieda ta’ 19% meta mqabbel ma’ Lulju tas-sena l-oħra.
Fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena ġew Malta 2.6 miljun turist li flimkien ħallew €2.3 biljun.
Investiment: Proprju din is-sena Malta kienet iddikjarata bħala l-aktar pajjiż li tela’ ‘l fuq fl-investiment dirett barrani (FDI) skont il-Greenfield FDI Performance Index.
Fi tmiem Ġunju 2025, l-investiment dirett barrani f’Malta kien ta’ €485 biljun, żieda ta’ €18.9 biljun fuq Ġunju 2024. L-investiment dirett barra mill-pajjiż laħaq l-€459.2 biljun, żieda taʼ €13.2-il biljun sena fuq oħra.
Ċifri tal-NSO juru illi t-tkabbir kien riżultat ta domanda domestika qawwija (u allura x’tonfoq il-familja u l-poplu in ġenerali), tkabbir qawwi fis-settur tas-servizzi u tkabbir ukoll fl-informatika, fis-settur finanzjarju u tal-assikurazzjoni kif ukoll f’servizzi xjentifiċi u professjonali.
L-ekonomija Maltija kibret sitt darbiet aktar mill-Italja u 13-il darba aktar minn tal-Ġermanja bejn Jannar u Marzu 2026.
Ħriġna mill-Excessive Deficit Procedure
Minkejja l-miżuri kollha li daħlu fis-seħħ budget wara ieħor – inkluż miljuni kbar fi ħlasijiet marbuta ma’ miżuri tal-Covid-19 – Malta kienet l-ewwel minn sensiela ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewrpopea li inħarġet mill-Proċeduri ta’ Defiċit Eċċessiv.
Dan kien minnu nnifsu suċċess u ċertifikat ta’ ekonomija b’saħħitha u finanzi b’saħħithom ukoll.
Mill-IVF sa l-Ippjanar: Wegħdi mwettqa
Dawn il-100 jum ta’ Gvern Laburista kienu wkoll immarkati minn elenku ta’ wegħdi li saru fil-Manifest Elettorali Int Malta, li twettqu.
Forsi l-aktar wegħda mwettqa sa issa li se tagħmel differenza f’ħajjet numru ta’ nies hija dik tal-IVF.
Il-Gvern wessa’ l-proċeduri tal-IVF sabiex it-test PGT-M ikun jista’ jintuża għal kundizzjonijiet ġenetiċi oħra, fosthom mard rari ieħor li ma hawnx kura għalih u li jista’ jwassal għal tbatija severa u mewt.
Il-Gvern żied ukoll iċ-ċikli tal-IVF offruti mingħajr ħlas, minn tlieta għal ħamsa.
Is-sena li għaddiet twieldu rekord ta’ 254 tarbija permezz tal-IVF, u aktar minn elf tarbija minn meta beda jingħata s-servizz f’Malta.
Bidla oħra li tinsab fil-proċess hija dik marbuta mal-appelli fl-ippjanar.
Il-pilastri ewlenin ta’ din ir-riforma huma: Is-sospensjoni awtomatika ta’ permessi relevanti meta jiġi ppreżentat appell, biex id-dritt tal-appell ikollu effett reali u mhux ikun biss dritt fuq il-karta.
It-tieni, termini ċari biex il-każijiet jiġu deċiżi f’waqthom. Għax daqs kemm hu importanti li jitħarsu d-drittijiet tal-appellant, daqstant ieħor huwa importanti li min għandu permess regolari jkollu ċertezza legali u ma jibqax f’inċertezza għal żmien indefinit.
U t-tielet pilastru huwa aktar diġitalizzazzjoni u għodod amministrattivi aħjar biex il-proċess ikun aktar effiċjenti.
Fl-ewwel 100 jum ta’ Gvern Laburista wkoll l-iskema li permezz tagħha persuni li jixtru l-ewwel dar jingħataw għotja ta’ €10,000 għal 10 snin ġiet imsaħħa. Persuni b’diżabilità severa li jixtiequ jixtru l-ewwel dar tagħhom ser jingħataw għotja ta’ €20,000 għal 10 snin.
U sabiex jinċentiva il-mobilità soċjali l-Gvern implimenta miżura biex meta persuna li tirċievi sussidju tal-kera (privata) ma tibqax eliġibbli, is-sussidju jonqos gradwalment. 50% fl-ewwel sena u tonqos għal 25% s-sena ta’ wara.
Is-sħana u l-konsum tad-dawl jilħqu livelli rekord
Waħda mill-akbar sfidi f’dawn il-100 jum kien proprju marbut mal-enerġija.
Is-sħana dan is-sajf għamlet tagħha, hekk kif ġie irreġistrat l-aktar xahar ta’ Awwissu sħun fl-istorja. Dan apparti li Malta esperjenzat 100 jum mingħajr ma niżlet imqar qatra waħda xita.
X’ġara?
Is-sħana qawwija li kienet tinħass fuq it-42 grad sew, wasslet għal talba rekord ta’ elettriku fosthom minħabba li kulħadd fid-djar, postijiet tax-xogħol, lukandi, stabbilimenti u fakbbriki beda jixgħel l-arja kkundizzjonata.
Id-domanda għall-elettriku laħqet rekord ta’ 741 megawatt f’Lulju, ferm ogħla mill-ogħla livell preċedenti ta’ 663 megawatt irreġistrat fil-2023.
Dan ħoloq sfida għal numru ta’ ġranet, sfida li huwa ċar illi ma baqgħetx hemm ladarba it-temperaturi kkalmaw.
Imma x’sar?
Waqt laqgħa tal-MCESD f’Lulju li għadda intqal li fl-aħħar tliet snin, l-Enemalta wettqet investimenti bla preċedent fin-netwerk tad-distribuzzjoni tal-elettriku ta’ €141 miljun.
L-Enemalta spjegat li, fl-aħħar tliet snin, lestiet 190 substation f’Malta u 18 oħrajn f’Għawdex, aġġornat aktar minn 260 transformer, bidlet aktar minn 120 switchgear unit, installat 875 feeder ġdid u poġġiet aktar minn 270 kilometru ta’ cables tal-vultaġġ medju.
Tlestew ukoll xogħlijiet estensivi f’ċentri ewlenin tad-distribuzzjoni, fosthom dawk tal-Mosta, Ħal Kirkop, Buġibba u St Andrews. Dan filwaqt li għaddej xogħol fuq tliet ċentri ġodda tad-distribuzzjoni fis-Siġġiewi, l-Imsida u n-Naxxar.
U issa x’se jsir?
F’għeluq il-100 jum ta’ Gvern Laburista l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar illi l-Gvern għaddej bil-proċess ta’ akkwist ta’ faċilitajiet tal-ħażna tal-enerġija fil-batteriji. “Se nkunu qed nibdew ix-xogħol relatat li se jagħmel is-sistemi tagħna aktar reżiljenti. Dawn huma s-soluzzjonijiet li qed noffru mhux ħafna diskors populista,” sostna Dr Abela.
Il-Verdett tal-Ġurati: Il-Gvern żamm kawtela u prudenza
F’Malta kulħadd irid jiddeċiedi xi jrid: Gvern li jħalli l-istituzzjonijiet jaħdmu jew Gvern li jagħmel pressjoni fuq l-istituzzjonijiet biex id-deċiżjonijiet tagħhom ikunu jogħġbu lilu!
Mal-verdett tal-ġurati li ħelsu lil Yorgen Fenech bi tmien voti kontra wieħed, fuq kull akkuża li kellu, l-Gvern adotta pożizzjoni ta’ kawtela u prudenza. Il-Prim Ministru la qal x’jaħseb dwar il-verdett u wisq inqas għadda kummenti fir-rigward tal-ġurati.
Illum ir-realtà tal-media soċjali tat lil kulħadd il-libertà li jgħid dak li jħoss, imma għax idea, konġettura, opinjoni jew ħsieb jiġi ripetut miljun darba ma jfissirx li huwa veru (lanqas ifisser li huwa gibda!).
Għalhekk iffaċċjat b’din l-isfida l-Prim Ministru Robert Abela ħa t-triq li l-akbar avversarji tiegħu u tal-Partit Laburista dejjem qalulu biex jieħu: Ħalla l-istituzzjonijiet jaħdmu, mingħajr konġetturi u opinjonijiet.
U fid-dawl tal-fatt li l-istituzzjonijiet għadhom qed jaħdmu u għad irid isir pronunzjament dwar appell għall-verdett l-għaqal talab il-prudenza u l-kawtela (mhux silenzju kif kien hemm min ipprova jdawwarha b’malizzja!).
Minn naħa l-oħra l-Kap tal-Oppożizzjoni iddikjara li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia nħema f’Kastilja – allegazzjoni serja li dwarha għadu ma marx għand il-pulizija. Qal li l-ġurati għamlu xogħol tajjeb, pero’ mbagħad donnu ried jgħid li mhux kompitu tiegħu jgħaddi ġudizzju dwar il-ġurati.
Minkejja li din l-isfida tidher kbira, il-prudenza u l-kawtela huma żerriegħa li dejjem tagħti ħafna frott u li tindika maturità politika.
Iż-żmien se jkun, li jerġa’ jagħtina parir!
