“Kisba oħra li ssaħħaħ ir-responsabbiltà fil-kostruzzjoni”

Aqra wkoll

Fl-ewwel ġimgħat ta’ din il-leġiżlatura inti ressaqt ‘il quddiem riforma importanti fl-ippjanar – speċifikament fuq l-appelli? X’differenzi qed tipproponu? Għaliex tħoss li din ir-riforma hija bżonnjuża? 

Naħseb li l-ewwel ħaġa li rridu nifhmu hija għaliex ħassejna l-ħtieġa li nressqu din ir-riforma. 

Għamilniha għax id-dritt tal-appell huwa dritt importanti, imma dritt ma jkunx biżżejjed jekk fil-prattika ma jkunx jista’ jagħmel differenza. 

Illum jista’ jiġri li persuna tippreżenta appell kontra permess, imma sakemm jasal biex jiġi deċiż il-proċess, il-permess ikun diġà ġie implimentat. U allura l-mistoqsija leġittima tkun: x’sens għandu d-dritt tal-appell jekk meta jasal għad-deċiżjoni, is-sitwazzjoni tkun diġà nbidlet?

 Għalhekk qed nipproponu riforma mibnija fuq tliet pilastri ewlenin. 

L-ewwel nett, sospensjoni awtomatika ta’ permessi relevanti meta jiġi ppreżentat appell, biex id-dritt tal-appell ikollu effett reali u mhux ikun biss dritt fuq il-karta. It-tieni, termini ċari biex il-każijiet jiġu deċiżi f’waqthom. Għax daqs kemm hu importanti li nħarsu d-drittijiet tal-appellant, daqstant ieħor huwa importanti li min għandu permess regolari jkollu ċertezza legali u ma jibqax f’inċertezza għal żmien indefinit. U t-tielet pilastru huwa aktar diġitalizzazzjoni u għodod amministrattivi aħjar biex il-proċess ikun aktar effiċjenti. 

Qed nitkellmu fuq sistemi ta’ notifika elettronika aktar moderni, reġistri diġitali aħjar u koordinazzjoni aktar b’saħħitha bejn it-Tribunal, l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Qrati. 

Għalhekk, ma narax din bħala riforma favur jew kontra l-iżvilupp. Naraha bħala riforma li għandha l-għan li ssaħħaħ il-ġustizzja, il-bilanċ u, fuq kollox, aktar fiduċja fis-sistema. Irridu sistema fejn l-appell mhux biss jeżisti fil-liġi, imma jkun jista’ jipproduċi rimedju konkret. U fl-istess ħin irridu nagħtu ċertezza u prevedibbiltà lil min ikun kiseb permess b’mod regolari. Din kienet ir-raġuni għaliex ridna nibdew din il-leġiżlatura b’dan il-pass: biex insaħħu l-fiduċja fis-sistema tal-ippjanar u nagħmluha aktar ġusta, aktar trasparenti u aktar effettiva. 

Il-proċess ta’ kosultazzjoni huwa magħluq. X’kien ir-rispons b’mod ġenerali? Kien hemm xi proposti partikolari li temmen illi huma tajbin u li għandkom iżżiduhom mar-riforma? 

Ir-rispons kien wieħed pożittiv u varjat, u rċevejna sottomissjonijiet minn diversi naħat, minn ċittadini, għaqdiet, professjonisti u stakeholders. U dan huwa eżattament dak li ridna. Ridna nisimgħu l-perspettivi differenti, għax konsultazzjoni pubblika għandha tkun konsultazzjoni vera, mhux sempliċement formalità. 

Imma rrid ngħid ħaġa waħda wkoll. L-Oppożizzjoni għażlet li ma titkellimx. Il-Gvern fetaħ konsultazzjoni pubblika ulterjuri proprju biex jisma’ l-proposti u l-osservazzjonijiet dwar din ir-riforma, u l-Partit Nazzjonalista għażel li ma jagħmilx sottomissjoni uffiċjali. Issa, wara li għalqet il-konsultazzjoni, qed jitolbu proċess ieħor ta’ konsultazzjoni. Aħna nemmnu fid-djalogu u fil-konsultazzjoni, imma l-konsultazzjoni trid issir b’mod miftuħ u trasparenti, kif għamilna aħna. U għalhekk l-assenza tal-Oppożizzjoni mhux se twaqqafna milli nwettqu dak li wegħedna. 

Din ir-riforma għandha għan ċar: li appell ikun appell veru. Jekk persuna tappella kontra permess, irridu li x-xogħlijiet marbuta ma’ dak il-permess ikunu sospiżi sakemm jinqata’ l-appell, fl-istess waqt li nagħtu ċertezza u protezzjoni lill-applikant li għandu permess regolari. 

Dan hu l-bilanċ li qed nippruvaw niksbu. Issa se neżaminaw is-sottomissjonijiet kollha li rċevejna u, fejn ikun hemm proposti tajbin li jistgħu jsaħħu r-riforma, aħna se nikkunsidrawhom. Imma żgur li mhux se nħallu nuqqas ta’ parteċipazzjoni min-naħa tal-Oppożizzjoni jfixkel impenn li għamilna mal-poplu. 

Aħna se nkomplu naħdmu biex ikollna sistema tal-ippjanar aktar ġusta, aktar trasparenti u aktar kredibbli. 

Matul is-sajf inti wkoll ftaħt l-ewwel pjazza ta’ quddiem il-Knisja li qatt kellha l-Imsida. Dan bħala parti minn proġett infrastrutturali ħafna akbar fl-Imsida. X’inhu l-investiment totali? Fhiex wasal il-proġett tal-Imsida Creek? U x’differenza se jagħmel lill-lokalità? 

L-Imsida Creek huwa wieħed mill-proġetti ta’ riġenerazzjoni urbana importanti li qed isiru fil-pajjiż, u l-għan tiegħu huwa li nibdlu b’mod fundamentali din iż-żona u nagħtuha lura lill-komunità. U naħseb li l-ewwel ħaġa li rridu nħarsu lejha hija dak li diġà sar, għax illum diġà għandna riżultat konkret li qed igawdu minnu l-Misidjani. 

Għall-ewwel darba, l-Imsida għandha pjazza ġdida fil-qalba tal-lokalità, quddiem il-Knisja Parrokjali, ta’ kważi 2,200 metru kwadru. Dan l-ispazju qabel kien okkupat minn erba’ karreġġjati u llum qed jingħata lura lill-komunità. U għalija dan huwa eżempju ċar ta’ kif infrastruttura tajba ma tfissirx biss toroq u karozzi. Infrastruttura tajba tfisser ukoll spazji għan-nies, għall-familji u għall-komunità.

 Kellna wkoll impenn ċar li din il-parti tal-proġett tkun lesta qabel il-festa parrokkjali, u dak l-impenn inżamm. Il-komunità setgħet tiċċelebra l-festa tagħha f’dan l-ispazju ġdid, u llum il-pjazza tista’ tintuża mhux biss għall-festa, imma wkoll għal attivitajiet soċjali u komunitarji matul is-sena. 

Imma rridu nkunu ċari li l-proġett huwa ħafna akbar mill-pjazza. Ix-xogħlijiet għadhom għaddejjin fuq il-promenade tax-xatt, fejn parti sostanzjali tal-pavimentar diġà tlesta. Fl-istess waqt qed isiru xogħlijiet infrastrutturali importanti taħt l-art, fosthom l-installazzjoni tas-servizzi, il-kostruzzjoni tal-kanal tal-ilma u l-iżvilupp tal-parkeġġ taħt l-art. Għalhekk illum ninsabu f’fażi fejn qed naraw il-proġett jieħu forma konkreta, imma għad hemm xogħol importanti xi jsir biex titlesta l-viżjoni kollha tal-Imsida Creek.

 U d-differenza għall-lokalità se tkun waħda kbira. Se jkollna aktar spazji pubbliċi ta’ kwalità, żoni pedonali, promenade aktar aċċessibbli u xatt modern, filwaqt li ntejbu l-konnettività u l-aċċessibbiltà għall-komunità kollha. 

Il-proġett huwa wkoll importanti mil-lat infrastrutturali, għax fost ix-xogħlijiet hemm il-kanal tal-ilma, li huwa element kruċjali tal-proġett u għandu rwol importanti fl-immaniġġjar tal-ilma f’din iż-żona. Imma fuq kollox, irridu li l-Imsida Creek ikun proġett għall-komunità kollha. 

Ma nħarsux lejh biss bħala xogħol infrastrutturali, imma bħala investiment fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. U naħseb li l-pjazza li diġà tajna lill-Misidjani hija l-ewwel sinjal konkret ta’ din il-bidla: spazju li qabel kien għall-karozzi, illum huwa spazju għan-nies.

Il-Prim Ministru ħabbar li se tkunu qegħdin tniedu servizz ġdid ta’ Assistenza Finanzjarja għal dawk affettwati mill-kostruzzjoni. X’inhuma l-kummenti tiegħek?

Nilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar mill-Prim Ministru dwar it-twaqqif tar-Riżerva tal-Garanzija tal-Industrija, inizjattiva importanti li se tipprovdi aktar protezzjoni u sostenn lil terzi persuni milquta minn ħsarat ikkawżati minn xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u żvilupp. Din hija kisba oħra li tkompli ssaħħaħ ir-responsabbiltà fis-settur u tqiegħed il-ħtiġijiet taċ-ċittadin fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna.

Tajjeb li nfakkru l-pjan strutturat li fassalna sa mill-ewwel ġimgħat lura f’Jannar tal-2024, meta l-Prim Ministru Robert Abela mas-Settur tal-Ġustizzja fdani bis-settur tal-Kostruzzjoni. 

Dan mhuwiex servizz kwalunkwe. Nedejna l-Helpline 138 għal kull forma ta’ assistenza b’rabta mas-Saħħa u s-Sigurtà u l-Kostruzzjoni. Ftit biss wara ġie mniedi servizz professjonali ta’ Avukati u Periti bla ħlas għal dawk affettwati mill-Kostruzzjoni, komplejna bir-riformi inkluż bil-liċenzjar tal-bennejja u l-kuntratturi, ġie ffirmat ftehim dwar it-twaqqif tal-Kodiċi Nazzjonali tal-Bini, beda x-xogħol biex kull ħaddiem fis-settur ikollu Skills Card biex ikun jista’ jaħdem fis-settur u issa se nkunu qegħdin noffru spalla liċ-ċittadini fejn il-BCA se tkun qiegħda tassisti finanzjarjament u tkun hi li tiġbor id-danni mingħand l-iżviluppatur jew kwalunkwe kuntrattur li jwettaq tali dannu.

B’dan il-mod qegħdin inkomplu nżidu l-ġustizzja għal dawk affettwati minn ħsarat fuq il-proprjetà tagħhom u nipprovdu serħan il-moħħ li b’mod aktar effiċjenti jirkupraw l-ispejjeż relatati ma’ tali ħsarat. 

Tajjeb ukoll insemmu illi din ir-riżerva se tkun iffinanzjata permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-iżviluppaturi meta japplikaw għal clearance sabiex jinbdew ix-xogħlijiet, pass konkret li jiżgura aktar kontabbiltà fis-settur filwaqt li joffri serħan il-moħħ akbar lill-komunitajiet u lil dawk milquta minn ħsara

Inħares ’il quddiem għall-konferenza tal-aħbarijiet tat-22 ta’ Settembru, fejn se jitħabbru aktar dettalji dwar l-amministrazzjoni tar-riżerva u l-mekkaniżmi għall-aċċess għaliha. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport