Kien fis-sajf ta’ 53 sena ilu meta Mintoff għamel dikjarazzjoni qawwijin fil-Parlament. Kien iddikjara li “jien kiekukont Palestinjan kont inkun mal-gwerilli u anke ma’ dawk li jagħmlu l-hijacking”.
Hu kien qal dan fil-Parlament Malti. Meta kien qed jitkellem fil-Parlament dwar dak li kien ġara fil-konferenza f’Helsinki, Mintoff kien qal li “kien hemm Stati fil-konferenza ta’ Helsinki li ma ridux li l-Mediterran jiġi diskus u għalhekk kien hemm il-manuvra li jtawwlu apposta biex jaraw li l-Alġerija u t-Tuneżija ma jeħdux sehem. Aħna tlabna li d-diskussjoni issir u tispiċċa malajr.”
Mintoff kien iddikjara li “aħna ma ridniex li dawk li stħaw jidhru jiġu u joġġezzjonaw biex dawn il-pajjiżi Għarab ma jeħdux sehem. Aħna ridna li l-pajjiżi li għandhom fruntiera mal-Mediterran jieħdu sehem u jsemmgħu leħinhom. Aħna ferħanin li kien hemm numru kbir ta’ pajjiżi li qablu magħna.”
Mintoff kompla qal li “l-Gvern Malti m’għandu xejn kontra l-Iżrael anzi dan hu pajjiż ħabib sew ta’ Malta. Iżda l-Iżrael ma jridx li l-affarijiet bejnhom u bejn l-Għarab jiġu diskussi. Il-logħba tagħha hi li ħadd minnhom ma jieħu sehem f’xi taħdidiet u jitkellem dwar il-qagħda tagħhom. Aħna rridu l-vera paċi fil-Mediterran u mhux bil-paroli u min jgħid li aħna ma qed nagħmlu xejn, żgur li ma jridx il-paċi. Barra minn hekk inħossu li għandna nirriskjaw ħafna għal din il-paċi għax inkella dak kollu li għamilna jiswielna suf…jispiċċa fix-xejn”
“Aħna għamilna lil Malta vera indipendenti għax ftehmna ma’ l-Ingliżi li huma lanqas biss jistgħu jiddefendu ruħhom minn Malta kontra l-Għarab, aħseb u ara kemm jistgħu jeħduha kontra l-Għarab u jinqdew b’Malta kif kien isir taħt il-Gvern l-ieħor. L-Għarab jgħidu li l-Amerika qiegħda tforni lill-Iżrael kontrihom u li l-Amerka tiddetermina l-politika tan-NATO kontra l-Għarab u min jappoġġja lin-Nato hu kontra l-Għarab. Fi żmien il-gvern Nazzjonalista, is-Sixth Fleet Amerikana kienet dieħla u ħierġa f’Malta u ma waqqfithiex (lil Dr Borg Olivier) u aħna għax waqqafniha oġġezzjonajt magħna.”
Mintoff ikompli jgħid li “Giorgio Borg Olivier imissu jistħi minn nies talli fi żmienu kienu jidħlu meta jridu l-Amerikani u qatt ma tawh xejn u lilna minkejja li ma ħallejnihomx jidħlu tawna ħafna aktar affarijiet. L-Oppożizzjoni trid iġġellidna ma’ Iżrael iżda mhux se jirnexxielha Lil Iżrael aħna ngħidulhom li għandhom jirtiraw it-truppi tagħhom minn fuq il-fruntieri li rebħu għax jekk jibqgħu sejrin hekk, allura jista’ jiġri li l-Għarab jissaħħu u u jagħmlu l-istess lilhom. Hekk trid li jiġri l-Oppożizzjoni? staqsa Mintoff.
Itenni li “lil Izrael għednielhom li aħna ħbieb ħafna tagħhom iżda m’għandhomx iħallu l-forza tagħhom tegħlibhom u tikkorrompihom. L-Iżrael irid li issa għax rebħu lill-Għarab, dawn għandhom jiġu għarkubtejhom quddiemhom, xi ħaġa li dawn żgur qatt mhu se jagħmlu. Fi żmien il-Gvern Nazzjonalista kienet għaddiet riżoluzzjoni li dawn, l-Iżrael għandhom jiritraw mill-fruntiera, allura kif illum mhux qed taqblu magħna?”.
L-Iżrael ilu jġib skużi sitt snin sħaħ
Mintoff ikompli jgħid li “l-Iżrael ilu jġib skużi sitt snin sħaħ biex ma jirtirax it-truppi. Hitler kien jagħmel hekk fi żmienu. Ma ninsewx li l-ebda Għarbi mhu se jumilja ruħu quddiem l-Iżrael. Il-Gvern Malti ma jridx li l-Istat ta’ Iżrael jinqered iżda irid li jkun hemm il-paċi vera fil-Mediterran. Dan jien kont għedtu sew lil Nasser kif ukoll lil Gaddafi”.
“Ilna ngħidu lil Iżrael sa mis-sena 1967, issa erbaħtu lill-Għarab imma għandkom tirtiraw. Dawn ma jridux jagħmlu hekk u għalhekk qed itawwlu. Il-Gvern Malti m’għandux għalxiex jistħi. Malta kellna periklu kbir meta l-Ingliżi ħabta u sabta għaddew mill-Mediterran bil-Queen Mary b’ħafna Lhud Amerikani fuqu biex jiċċelebraw kemm l-Iżrael hu b’saħħtu u xi fruntieri ħadu. Din kienet dimostrazzjoni umiljanti ħafna u Malta verament kienet fil-periklu. Wara kollox kien hemm ukoll forzi armati li marru mal-Queen Mary”.
“L-Għarab kieku riedu setgħu taw sulfarina la kienu minn taħt u mbagħad naraw fejn jibqa’ li ‘standard of living’ meta jieqfu milli jagħtu ż-żejt. Kulħadd għandu s-simpatija mal-Palestinjani, għax ilhom mis-sena 1947 jaqilgħu ġo rashom. Aħna kellimna lill-Ġermanja, Skandinavja u oħrajn iżda dawn għadhom ma waslux biex jaħsbu viċin ħafna tagħna dwar il-Lhud u l-Għarab. Per ezempju l-Ġermanja taħseb u tgħid li la hi dejem ippersegwitat il-Lhud u qatlet minnhom bil-miljuni, allura issa kif tista’ ma żżommx magħhom? Sewwa allura biex nagħmel penitenza noqtol lil sieħbi”.Alla ħares jaċċetta lil min ħataf l-art jibqa’ biha. Min għamel hekk? Suppost li kulħadd jaċċetta dan il-prinċipju. In-newtralità tagħna hi pożittiva u mhux għax nibżgħu minn xi pajjiż. Aħna qed nimxu skond il-programm elettorali. Ta’ min jgħid li lil Malta ħadd ma taha appoġġ daqs l-Iżvizzera fil-konferenza ta’ Ħelsinki.”
Mintoff ikompli jgħid li “aħna inħossuna Ii qegħdin newtrali bejn il-Lhud u l-Għarab u dan għednieh anke lil Golda Meir meta konna Vienna. Kieku verament l-Iżrael ried jitkellem fil-konferenza messu bagħat mal-Ambaxxatur ta’ Iżrael f’Malta u jgħidlu biex il-proposta tagħna tinkludi ukoll lil Iżrael. Iżda dan m’għamlux. Iżrael irid li kollox jorqod u ma jissemma’ xejn.”
Jisħaq li “jien kieku kont Palestinjan kont inkun mal-gwerilli u anke ma’ dawk li jagħmlu l-hijacking”, kompla qal Mintoff.
“Min qiegħed ixewwex lil dawn iż-żewġ pajjiżi biex ikomplu jiġġieldu għada pitgħada dawn it-tnejn flimkien jiġġieldu miegħu meta jagħmlu paċi. Aħna m’aħniex ferħanin bil-pożizzjoni li ħa l-Iżrael issa għax ma rridux li jispiċċa dan l-Istat. Jekk dawn it-tnejn jingħaqdu hemm futur mill-aqwa f’dak ir-reġjun u naċċertaw lil kulħadd li Malta se tagħmel minn kollox biex dan isir. Ir-relazzjoni li hemm bejn Malta u dawn iż-żewġ pajjiżi huma mill-aqwa. Fl-aħħar tal-laqgħa li kelli ma’ Sadat stagħġibt meta rajt kemm dan hu lest li jċedi u jagħmel l-affarijiet aħjar. Aħna diġa għamilniha ċara minn issa u għedna lir-Russja li jekk mhux se jaqblu magħna f’din il-proposta, mhux se nagħtu l-konsensus tagħna. Dan għax jekk kien hemm xi ħadd li verament ta’ l-kontribut tiegħu f’din il-konferenza kienet Malta”, itemm jgħid Mintoff.
