Wara li ftit jiem ilu sar magħruf li kienet inqatlet Ċikonja Sewda, l-investigazzjonijiet tal-Pulizija wasslu biex raġel ta’ 35 sena minn Ħaż-Żebbuġ tressaq il-Qorti akkużst b’dan. Hu kien kien ikkundannat sena ħabs sospiża għal sentejn, immultat €5,000. Hu ġie skwalifikat milli jkollu liċenzja tal-kaċċa għal għomru wara li ammetta li spara fuq Ċikonja Sewda, li hi protetta.
Dean Cauchi, li jaħdem bħala deliveryman, tressaq il-Qorti b’akkużi marbuta ma’ kaċċa illegali fejn wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Jidher li wara li l-Pulizija għamlet tfittxijiet li rriżultaw fin-negattiv wara rapporti li waslulha, wara informazzjoni anonima dwar l-isparatura u dwar min seta’ kien il-persuna li sparat fuq iċ-Ċikonja Sewda wasslu biex inqabad il-persuna.
Kien fis-16 ta’ Settembru, il-Pulizija għamlet tfittxija f’għalqa u razzett tal-akkużat, fejn kien maħsub li setgħet waqgħet it-tajra. Saret ukoll tfittxija fir-residenza tiegħu. Minkejja tfittxijiet intensivi, ma nstab xejn marbut direttament mat-tajra.
Dakinhar stess, iżda, il-Pulizija kkonfiskat il-mobile tal-akkużat kif ukoll filmati tas-CCTV mir-razzett tiegħu. L-analiżi ta’ din l-evidenza wasslet għal żviluppi ġodda fl-investigazzjoni. Fil-filmati dehret persuna tidher iġġorr xi tip ta’ għasfur. Fid-dawl ta’ din l-evidenza ġdida, fit-18 ta’ Settembru l-Pulizija avviċinat lill-Maġistrat u talbet mandati ta’ arrest fil-konfront ta’ erba’ persuni.
