“Issa kbirna….se nmur nieħu ħsieb il-mara …it-tfal se jkunu qegħdin jgħinuna”

…..wieħed mill-ewwel take aways fil-Belt jagħlaq il-bibien

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Sibt lil Bertu bħas-soltu għaddej ma jiqafx.  Min ħaġa għal oħra fil-ħanut tat-Take Away tiegħu fil-Belt ftit passi bogħod mill-Knisja ta’ San Duminku.  Kif tidħol tilqgħek riħa ta’ ikel. Ħanut ċkejken, li minnu Bertu kien kapaċi jitma’ ammonti kbir ta’ nies. Tara ikel lest fil-vetrina, xogħol idejn Bertu u bintu. Xogħol ġenwin li kif tħares lejh tinduna li dak l-ikel sar b’passjoni. Għax Bertu ma bediex ilbieraħ bil-ħanut. Kien ilu fin-nsegozju 46 sena.  Immaġinaw kemm klijenti. Kemm esperjenzi. Kemm rakkonti f’dak il-ħanut ċkejken.

“Fejn se noqgħod?” kien pront qalli Bertu, waqt li ġie b’banketta żgħira. Intajna fejn il-vetrina. Poġġa bilqiegħda u beda jħares lejn partijiet differenti. Il-vetrina. Fejn isir it-tisjir.  Dehret l-emozzjoni. Qisu qiegħed jgħid bejn u bejn ruħu, din hi waħda minn ta’ l-aħħar li se jkunu qiegħed iħares u jammira dak il-ħanut żgħir, b’negozju li beda mix-xejn u li kien hu li bnieh.

Dehret emozzjoni profonda. Is-skiet li kien hemm. Għajnejh Bertu iħarsu. Pjuttost miksurin. Il-wiċċ imħasseb. Bla dubju iġib quddiem għajnejh il-memorji. In-nostalġija. Ma’ dan imbagħad hemm sens ta’ kburija u sodisfazzjon. 46 sena xogħol fl-istess ħanut ma tistax tiddeskrivihom għajr perseveranza, sagrifiċċju u dedikazzjoni.  U meta tiġi biex tħalli dak il-post, tara li se jitħalla vojt. Dak li tkun bnejt ikun wasal fit-tmiem tiegħu.  Xi drabi dak li tkun bnejt, tħallih lil ta’ warajk. Xi drabi oħra, it-triq tkun differenti.  U f’sitwazzjonijiet bħal dawn, id-dmugħ jiltaqa’ mat-tbissima. Dik it-tbissima li issa se tistrieħ u tgawdi aktar il-familja, anki jekk f’ċirkostanzi mhux daqstnat mixtieqha. 

‘Qiegħed inħossni stramb’

“Qiegħed inħossni stramb ħafna. Kont ilni hawn 46 sena. Emozzjonat ħafna.  Kont nagħmel ħafna ħinijiet hawn. Hawnhekk kont inqatta’ ħin Aktar minn kemm kont nagħmel id-dar. Iddejjaqt issa. It-tfal jixtiequ joqogħdu imma ma nixtieqhomx. Għax jekk jibqgħu hawn jien xorta moħħi se jibqa’ hawn jaħseb fuq il-ħanut.  Issa wasal iż-żmien li nirtira”, jisħaq Bertu li kien imexxi l-ħanut Bert’s Take Away u li issa għalaq il-bibien.

Bertu, b’ton ta’ dieqa u b’għajnejh miksurin għall-aħħar jgħidilna li “l-mara marida. Oħt il-mara qiegħda tieħu ħsiebha. Għandna l-età. Jien għandi iż-żmien ukoll. It-tfial se jieħdu ħsiebna. Se tieħdu ħsiebna it-tifla li qed taħdem miegħi hawn. Nispera li ngħix ħajti. Il-ħanut se nħoss in-nuqqas tiegħu ħafna. Nibqa’ niftakar l-inċident li kelli fis-sena 1986, żewġ bibien ‘lisfel minn hawn”.

Wieħed mill-ewwel Take Aways….minn fejn ġieh

Il-ħsieb ta’ negozju bħal dan?

Bertu jgħidilna li “b’dan l-istil kont wieħed minn tal-bidu.” Nistaqsiehminn fejn ġieħ il-ħsieb li jarma b’dan it-tip ta’ negozju. Jiddikjara li “kont nitla’ l-Kanada. Ħut il-mara, kienu jaħdmu fil-‘catering’ u kont tħajjart. Dan għax jien il-kċina minn dejjem kont inħobbha.  Jien kont naħdem bħala distibutrur tal-gass. Fis-sena 1981 iddeċidejt li nieqaf u niftaħ take away fil-Belt. Ftaħtu tlett bibien bogħod minn hawn imma fis-sena 1986 kelli incident. Qatt ma ninsieh dak l-inċident. Sena wara l-inċident ftaħt hawn. Kelli ħafna klijenti, minn kull parti ta’ Malta kien jiġu anki mill-Mellieħa u miż-Żurrieq.

Jiftakar belt li fiha kont ‘toqtol u tidfen’…liema jippreferi?

Nistaqsieh dwar kif hu jiftakar belt li litteralment kont toqtol u tidfen filgħaxija, kuntrarju għal lum fejn il-belt hi ħajja ta tard bil-lejl. Imma Bertu liema belt jippreferi?

Għal din il-mistoqsija, Bertu jgħid li “niftakarha l-belt toqtol u tidfen. Għalija iżjed qabel nipprerferi. Qabel hawn isfel kien ikun ippakkjat bin-nies u hemm fuq, Triq ir-Repubblika u l-inħawi kien ikun mejjet. Strada Stretta kont titwerwer tgħaddi minn hemm. Strada Rjali niftakar kienu jiġu nies għandi li jkunu għaddew minn hemm u jgħiduli li ‘fi Strada Rjali lanqas ruħ m’hemm.  Illum lanqas timxi fiha. Maż-żmien ix-xogħol inbidel. Naqas ix-xogħol, u fetħu ħafna ħwienet tal-ikel.”

In-negozju kien f’idejn Bertu…

…martu u t-tifla jgħinuh

Bertu jirrakkontali li n-negozju dejjem kien f’idejh. Hu prattikament kien il-moħħ. Kienet tgħinu martu u bintu ukoll kienet tagħti daqqa t’id. Jiddikjara li “hawn isfel kien hawn il-ħajja. Kien differenti minn kif qed tarah illum.”

Iħares lejja u jgħidli li “minn hawn kien joħroġ ħafna xogħol. Konna minn tal-bidu bit-take away. Konna. Noħorġu mas-sitt tużżani pizez. Kont inqum fit-3.00 ta’ filgħodu u nibda nipprepara u naħmi, dan appari ikel ieħor.”

Bdejt naħdem ta’ seba’ snin

Jgħidilna li beda jaħdem ta’ seba’ snin. Wara l-iskola kien beda jagħmel xi xogħol f’ħanut tad-drabb, wara f’ħanut tal-kafe u imbagħad distributur tal-gass. 

Ma jonqosx li jsemmi t-traġedja tas-sena 1986.  Jispjega li dakinhar seħħet splużjoni ta’ ċilindri tal-gass u ħasdet il-ħajja ta’ erba’ min-nies.

Kienu erba’ nies twajbin. Ngħidilhom qaddisin. Ħassejtha wisq dik it-traġedja. Kważi kważi xtaqt li kont magħhom għax vera kienu nies twajbin”, jgħid Bertu.

U xi jgħid għan-nies tal-Belt?

Ma stajtx ma nistaqsiehx dwar in-nies tal-Belt. Għamel kważi 50 sena jgħixu magħhom. Iservi lin-nies. Ħafna klijenti kienu ukoll Beltin. 

Kif nistaqsieh dwarhom bla ma ħasibha darbtejn jgħidli li “l-aqwa nies tal-belt. Il-Beltin l-aqwa nies ġo Malta. Mhux għax jien mill-belt qed ngħid hekk.  Il-Beltin nies ta’ qalbhom tajba. Nies tal-ġenn. Pembroke fejn ngħix Jien, ħadd ma jaf lil ħadd.  Kulħadd għal rasu. Togħġobni ukoll għall-kwiet”, itemm jgħid Bertu waqt li għajnejh demmgħu.

“Issa qed noqrob it-80 sena. Nirringrazzja lill-familja. Nirringrazzja lit-tfal u lill-mara għax kienu jġħinuni ħafna.  Se nkunu tlett anzjani  d-dar u t-tfal se jtuna daqqa t’id. Issa mad-daqqa niżfnu”, itemm jgħid Bertu. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport