Nipproteġu lit-Tfal Mingħajr ma Nissagrifikaw il-Libertà: Il-Proposta Ewropea tal-MEP Dr Agius Saliba

- Jikteb Wayne Vella

Aqra wkoll

Illum il-ġurnata, il-midja soċjali ma għadix sempliċiment mezz ta’ komunikazzjoni u ta’ aħbarijiet, iżda saret ambjent ta’ divertiment iddisinjat biex tiġbed l-attenzjoni tagħna. Dan jista’ jħalli impatt fuq is-saħħa mentali meta l-użu jibda jsir fissazzjoni, speċjalment minħabba l-potenzjal li joħolqu dipendenza. Meta wieħed juri interess f’ċertu kontenut, l-algoritmi jibqgħu juruh kontenut simili, u b’hekk wieħed jista’ jispiċċa jqatta’ sigħat twal quddiem l-iskrin. Dan jaffettwa b’mod partikolari lit-tfal u liż-żgħażagħ, għalkemm l-adulti wkoll jistgħu jħossu l-effetti tiegħu.

L-MEP Malti, Dr Alex Agius Saliba, ħabbar il-ħidma tiegħu billi appella għal azzjoni aktar b’saħħitha mill-Unjoni Ewropea. Il-proposta tiegħu tinkludi l-introduzzjoni ta’ età minima għall-użu tal-midja soċjali kif ukoll azzjoni kontra disinji diġitali vizzjużi. Din il-proposta hija parti minn diskussjoni Ewropea usa’ dwar kif għandhom jiġu protetti t-tfal online.

Huwa importanti li ma nieħdux l-idea li din il-ħidma qed issir minħabba li l-midja soċjali hija ħażina, għax dan mija fil-mija mhuwiex il-każ. Fil-fatt, anke l-MEPs stess jużaw il-midja soċjali biex juru u jispjegaw il-ħidma tagħhom lill-pubbliku. Il-midja soċjali għandha bosta aspetti pożittivi: tgħaqqad lin-nies, tgħin fil-komunikazzjoni, tipprovdi materjal edukattiv u tagħti lill-pubbliku spazju biex jesprimi ruħu. Min-naħa l-oħra, hemm differenza bejn li tuża t-teknoloġija u li tkun espost għal teknoloġija mfassla apposta biex timmassimizza l-involviment tal-utent.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-kwistjoni mhijiex jekk il-midja soċjali hijiex ħażina jew tajba, iżda kif nistgħu nagħmlu l-ambjent diġitali aktar sigur mingħajr ma jiġu ssagrifikati d-drittijiet fundamentali tagħna. U hawn tqum il-mistoqsija: nistgħu nipproteġu lit-tfal mingħajr ma nissagrifikaw id-drittijiet fundamentali?

Il-Pjattaformi Huma Mfasslin Biex Iżommuk Online

Waħda mill-akbar problemi li għandna quddiemna mhijiex sempliċiment kemm inqattgħu ħin fuq il-midja soċjali, iżda kif dawn il-pjattaformi huma mfassla biex iżommuna fuqhom. Ħafna mill-pjattaformi li nużaw kuljum, jużaw sistemi li kontinwament jipprovdu kontenut ġdid sabiex l-utent jibqa’ jiskrollja. Scrolling bla tmiem, videos li jibdew awtomatikament, notifiki li jiġbdulek l-attenzjoni u rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq dak li tkun diġà rajt huma kollha eżempji ta’ kif id-disinn tal-pjattaforma jista’ jinkoraġġixxi użu itwal.

Dan ma jfissirx li kull persuna li tuża dawn il-funzjonijiet se ssir dipendenti fuq il-midja soċjali, imma l-problema tqum meta l-għan ewlieni tad-disinn ikun li jżid kemm jista’ jkun l-involviment tal-utent. Jekk algoritmu jitgħallem x’tip ta’ kontenut jiġbed l-attenzjoni tagħna u mbagħad jibqa’ jipprovdilna aktar minnu, ikun aktar faċli li nibqgħu fuq il-pjattaforma mingħajr ma nindunaw kemm għadda ħin.

Din il-problema ssir saħansitra aktar importanti meta nitkellmu dwar it-tfal u ż-żgħażagħ. F’din l-età, il-kapaċità li wieħed jikkontrolla l-impulsi u jagħraf meta teknoloġija tkun qed tipprova żżommu involut għadha qed tiżviluppa. Għalhekk, mhux dejjem huwa biżżejjed li ngħidu lil żagħżugħ biex sempliċiment ipoġġi l-mobile ’l bogħod. Jekk il-pjattaforma nnifisha tkun iddisinjata biex kontinwament tagħtih raġuni oħra biex jibqa’ fuqha, ir-responsabbiltà ma tistax taqa’ kollha fuq l-utent.

Huwa proprju għalhekk li l-proposta ta’ Dr Agius Saliba għandha tkun appoġġjata. Jekk kumpanija tagħmel il-flus billi żżomm lill-utenti involuti kemm jista’ jkun, huwa raġonevoli li s-soċjetà tistaqsi jekk għandux ikun hemm limiti fuq ċerti metodi ta’ disinn, speċjalment meta jkunu involuti t-tfal. Dan ma jfissirx li rridu nipprojbixxu l-midja soċjali jew nikkontrollaw x’kontenut jistgħu jaraw in-nies, ifisser li rridu nistaqsu jekk huwiex ġust li t-teknoloġija tintuża b’mod li tisfratta l-attenzjoni tal-utent.

Għalhekk, meta nitkellmu dwar regolamentazzjoni, m’għandniex niffukaw biss fuq dak li jara t-tifel, iżda wkoll fuq kif il-pjattaforma qed tipprova żżommu hemmhekk. Il-protezzjoni tat-tfal ma għandhiex tfisser li nneħħulhom l-aċċess għad-dinja diġitali, iżda li niżguraw li dik id-dinja ma tkunx mibnija madwar il-vizzju tal-attenzjoni tagħhom.

Għalfejn Hemm Bżonn l-Età Minima

Wara li nifhmu l-problema tad-disinji diġitali vizzjużi, tqum mistoqsija oħra importanti: min għandu jkollu aċċess għal dawn il-pjattaformi u minn liema età? Fil-fehma tiegħi, hawnhekk hemm bżonn ta’ approċċ komuni mill-Unjoni Ewropea. Il-midja soċjali ma tieqafx mal-fruntieri ta’ pajjiż wieħed. Pjattaforma tista’ tintuża f’Malta, fi Franza, fil-Ġermanja jew fi kwalunkwe pajjiż ieħor Ewropew bl-istess mod, u għalhekk ma tantx jagħmel sens li l-protezzjoni tat-tfal tkun ibbażata fuq standards kompletament differenti minn pajjiż għal ieħor.

Età minima Ewropea tista’ toħloq livell bażiku ta’ protezzjoni għat-tfal madwar l-Unjoni Ewropea. Dan ma jfissirx li hemm età maġika fejn, f’jum wieħed, persuna ssir awtomatikament matura biżżejjed biex tifhem kull riskju tal-midja soċjali. Madankollu, il-liġi spiss tuża limiti tal-età biex tirrikonoxxi li t-tfal jeħtieġu livell differenti ta’ protezzjoni minn dak tal-adulti. Jekk naċċettaw dan f’ħafna oqsma oħra tas-soċjetà, huwa raġonevoli li niddiskutu jekk għandux ikun hemm limitu simili għal pjattaformi diġitali li għandhom impatt kbir fuq il-ħajja ta’ kuljum.

Naturalment, età minima waħedha mhijiex soluzzjoni għal kollox. Jekk nagħmlu liġi iżda ma jkollniex mezz effettiv biex din tiġi infurzata, ir-regola tibqa’ fuq il-karta. Għalhekk, il-kwistjoni tal-verifika tal-età hija importanti wkoll. Madankollu, dan ma jfissirx li kull persuna għandha tkun obbligata tagħti d-dokument tal-identità tagħha lill-pjattaformi. Jekk irridu nipproteġu lit-tfal, irridu nagħmlu dan b’mod li jirrispetta wkoll il-privatezza tal-utenti.

L-approċċ għandu għalhekk ikun wieħed proporzjonat: jiġi vverifikat li persuna tissodisfa l-età essenzjali mingħajr ma tinġabar informazzjoni personali li mhijiex meħtieġa. It-teknoloġija għandha sservi biex tipproteġi l-privatezza, mhux biex tagħti lill-kumpaniji aċċess għal aktar informazzjoni dwarna.

Għalhekk, jiena naqbel mal-proposta ta’ Dr Agius Saliba għal età minima Ewropea, iżda din għandha tkun parti minn sistema usa’ ta’ protezzjoni. Irridu regoli komuni, infurzar effettiv u verifika tal-età li ma ddgħajjifx id-dritt għall-privatezza. Għax jekk l-għan tagħna hu li nipproteġu lit-tfal, ma nistgħux nagħmlu dan billi ninsew id-drittijiet fundamentali li fl-istess ħin irridu nipproteġu ukoll.

Ir-Responsabbiltà Ma Tistax Titfa’ l-Ħtija Fuq it-Tfal u ż-Żgħażagħ Biss

Ħafna drabi, meta nitkellmu dwar il-problemi tal-midja soċjali, ir-responsabbiltà tispiċċa fuq it-tfal u ż-żgħażagħ stess. Ngħidulhom biex jużaw il-mobile inqas, biex ma jqattgħux wisq ħin fuq TikTok jew Instagram u biex ikunu aktar responsabbli online. Naturalment, din ir-responsabbiltà għandha teżisti, iżda ma nistgħux ninsew min ħoloq dawn il-pjattaformi u kif ġew iddisinjati.

Il-ġenituri għandhom rwol importanti biex jiggwidaw lil uliedhom, filwaqt li l-iskejjel għandhom jgħinu biex iż-żgħażagħ jitgħallmu kif jużaw it-teknoloġija b’mod responsabbli. Iżda fl-istess ħin, il-kumpaniji li jmexxu dawn il-pjattaformi għandhom jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom. Ma jistax ikun li kumpanija tkun tista’ tfassal sistema li għandha l-għan li żżomm lill-utent kemm jista’ jkun fuq il-pjattaforma, u mbagħad tħalli lill-ġenituri jsolvu il-konsegwenzi waħedhom.

Għalhekk, ir-regolamentazzjoni għandha tobbliga lill-pjattaformi jieħdu miżuri konkreti biex jipproteġu lill-minuri. Dan jista’ jinkludi sistemi aktar effettivi ta’ rapportar, protezzjonijiet aktar b’saħħithom għall-kontijiet tal-minuri u valutazzjoni tar-riskji maħluqa mill-algoritmi u mis-sistemi ta’ rakkomandazzjoni tagħhom. Jekk diġà nafu li ċerti karatteristiċi tad-disinn jistgħu jinkoraġġixxu użu eċċessiv, allura ma għandniex nistennew li l-problema tikber qabel ma naġixxu.

Fl-istess ħin, ma nemminx li s-soluzzjoni hija li l-gvern jikkontrolla dak kollu li jiġri fuq l-internet. Il-gvern għandu jistabbilixxi regoli ċari u jiżgura li dawn jiġu osservati. Il-pjattaformi għandhom josservaw dawn ir-regoli u jerfgħu r-responsabbiltà għas-sistemi li joħolqu. Il-ġenituri għandhom jiggwidaw lil uliedhom, filwaqt li t-tfal u ż-żgħażagħ għandhom jingħataw l-għarfien meħtieġ biex jieħdu deċiżjonijiet tajbin huma stess.

Dan huwa l-approċċ li nemmen fih: mhux aktar kontroll għall-kontroll, iżda aktar responsabbiltà għal kull min għandu sehem. Għax ambjent diġitali aktar sigur ma jistax jinbena billi ngħidu lit-tfal biss biex ikunu aktar responsabbli. Ir-responsabbiltà għandha tibda wkoll minn dawk li qed jibnu d-dinja diġitali li fiha qed jikbru.

Il-Protezzjoni Mhux Projbizzjoni

Anke jekk nappoġġja l-idea ta’ età minima għall-użu tal-midja soċjali u regolamentazzjoni aktar b’saħħitha tal-pjattaformi, nemmen li dawn il-miżuri waħedhom mhumiex biżżejjed. Il-protezzjoni tat-tfal ma tistax tkun ibbażata biss fuq projbizzjonijiet u restrizzjonijiet. Jekk irridu nippreparaw liż-żgħażagħ għad-dinja diġitali tal-lum u ta’ għada, irridu nagħtuhom ukoll l-għodod meħtieġa biex jużawha b’mod sigur u responsabbli.

L-edukazzjoni diġitali għandha tkun parti essenzjali minn kull strateġija serja għall-protezzjoni tat-tfal online. Iż-żgħażagħ għandhom jitgħallmu mhux biss kif jużaw it-teknoloġija, iżda wkoll kif jifhmuha. Għandhom ikunu konxji ta’ kif jaħdmu l-algoritmi, kif il-kumpaniji jużaw id-data tagħhom, kif jagħrfu informazzjoni falza jew qarrieqa, kif jipproteġu l-privatezza tagħhom u kif jirrappurtaw kontenut ta’ ħsara meta jiltaqgħu miegħu.

Dan huwa importanti għax il-problemi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ online ma jispiċċawx malli jagħlqu l-applikazzjoni jew jilħqu ċerta età. Aktar ma t-teknoloġija ssir parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum, aktar se jkun hemm bżonn li ċ-ċittadini jkunu kapaċi jifhmu kif taħdem. Għalhekk, l-għan m’għandux ikun li noħolqu ġenerazzjoni protetta mill-internet, iżda ġenerazzjoni li tkun kapaċi tuża l-internet b’mod kritiku, sigur u indipendenti.

Fil-fatt, edukazzjoni diġitali tajba tista’ tkun waħda mill-aktar forom effettivi ta’ protezzjoni fit-tul. Żagħżugħ li jifhem kif jaħdmu l-pjattaformi, kif jiġu influwenzati d-deċiżjonijiet tiegħu u kif jipproteġi lilu nnifsu online se jkun ferm aktar preparat biex jiffaċċja r-riskji tad-dinja diġitali minn wieħed li sempliċement ġie mċaħħad minnha għal perjodu ta’ żmien.

Għalhekk, il-protezzjoni tat-tfal online għandha tkun mibnija fuq diversi pilastri: regoli ċari, pjattaformi aktar responsabbli, infurzar effettiv u edukazzjoni diġitali ta’ kwalità. Huwa biss permezz ta’ dan l-approċċ bilanċjat li nistgħu noħolqu internet li jkun aktar sigur għaż-żgħażagħ mingħajr ma nnaqqsu l-opportunitajiet li t-teknoloġija tista’ toffrilhom.

Kontroargumenti

Minkejja l-benefiċċji li tista’ ġġib magħha età minima għall-midja soċjali, hemm min jista’ jargumenta li miżura bħal din tista’ tillimita l-libertà tal-individwu. Il-midja soċjali hija spazju fejn in-nies jikkomunikaw, jitgħallmu, isegwu l-aħbarijiet u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom. Għalhekk, jista’ jidher li meta l-Istat jiddeċiedi minn liema età persuna tista’ taċċessa dawn il-pjattaformi, ikun qed jidħol wisq fil-ħajja privata tagħha.

Madankollu, dan l-argument, għalkemm jinftiehem, ma jneħħix il-validità tal-proposta. Il-libertà qatt ma kienet tfisser li kull persuna, irrispettivament mill-età, għandha tkun esposta għall-istess riskji mingħajr ebda protezzjoni. Is-soċjetà diġà taċċetta li t-tfal jeħtieġu protezzjonijiet differenti mill-adulti f’ħafna oqsma. Għalhekk, li nintroduċu età minima għall-midja soċjali ma jfissirx li qed inneħħu l-libertà; ifisser li qed nirrikonoxxu li t-tfal għandhom bżonn protezzjoni addizzjonali.

Hemm ukoll min jista’ jargumenta li l-verifika tal-età tista’ thedded il-privatezza. Jekk persuna jkollha tapprova l-età tagħha, hemm riskju li tinġabar aktar data personali milli hemm bżonn. Iżda għal darb’oħra, din mhijiex raġuni biex nabbandunaw l-idea kollha. Hija raġuni biex niżguraw li l-metodu ta’ verifika jkun mibni madwar il-privatezza. L-għan għandu jkun li pjattaforma tkun taf jekk persuna tissodisfax ir-rekwiżit tal-età, mhux li tingħata aċċess għall-ħajja personali kollha tagħha.

Imbagħad hemm l-argument li l-età minima tista’ tkun diffiċli biex tiġi infurzata. Xi tfal jistgħu jippruvaw jevitaw ir-regoli jew jużaw kontijiet ta’ persuni oħra. Dan huwa minnu, iżda l-fatt li liġi tista’ tinkiser ma jfissirx li l-liġi ma għandhiex teżisti. Jekk nużaw dan l-argument, ikollna nneħħu kull regola li tista’ tiġi evitata. Dak li għandna nagħmlu huwa li niżguraw infurzar effettiv u li l-pjattaformi jkunu responsabbli biex ma jagħmlux il-ksur tar-regoli faċli.

Fl-aħħar mill-aħħar, dawn l-argumenti ma jurux li l-proposta ta’ Dr Agius Saliba hija ħażina. Għall-kuntrarju, juru għaliex din trid tkun imfassla sew. Nistgħu jkollna età minima, nistgħu nipproteġu lit-tfal u fl-istess ħin nirrispettaw il-privatezza u d-drittijiet fundamentali. M’għandniex għalfejn nagħżlu bejn il-protezzjoni tat-tfal u l-libertà, imma nistgħu nagħmluhom t-tnejn.

U proprju għalhekk, ma nemminx li l-biża’ minn possibbiltà ta’ abbuż fil-mod kif tiġi applikata l-liġi għandha twassalna biex ma nagħmlux il-liġi. Il-mistoqsija għandha tkun kif nagħmlu l-proposta tajba, mhux jekk għandniex nagħmluha. Jekk għandna teknoloġija li tista’ tintuża biex tipproteġi l-privatezza filwaqt li tivverifika l-età, allura għandna nużawha. Jekk għandna regoli li jistgħu jiġu infurzati aħjar, allura għandna ninfurzawhom.

Għalhekk, l-argument kontra ma jirnexxilux jegħleb il-każ favur il-proposta. Jista’ juri xi sfidi li rridu nsolvu, iżda sfida mhijiex raġuni biex ma naġixxux. Jekk l-għan huwa li nipproteġu lit-tfal minn ambjent diġitali li jaf ikun iddisinjat biex jiġbed l-attenzjoni tagħhom għal siegħat, allura li ma nagħmlu xejn hija wkoll deċiżjoni u fil-fehma tiegħi, hija d-deċiżjoni l-ħażina.

Nistgħu Nipproteġu lit-Tfal Mingħajr Chat Control

Hawnhekk insibu eżempju ċar ta’ kif nistgħu nindirizzaw problema reali mingħajr ma nissagrifikaw id-drittijiet fundamentali tagħna. Jiena nemmen bis-sħiħ li t-tfal għandhom jiġu protetti online. Iżda l-fatt li problema hija serja ma jfissirx li kull soluzzjoni li tiġi proposta biex tiġi indirizzata għandha tkun aċċettata, speċjalment jekk dik is-soluzzjoni tkun tfisser inqas privatezza jew aktar sorveljanza għaċ-ċittadini kollha.

Dan jgħodd ukoll għall-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online. Il-protezzjoni tat-tfal għandha tkun prijorità, iżda ma nemminx li għandna naslu għal punt fejn biex nipproteġu lit-tfal nispiċċaw nissagrifikaw il-privatezza ta’ miljuni ta’ nies innoċenti. Il-ġlieda kontra kriminalità serja għandha tkun ibbażata fuq investigazzjonijiet konkreti, suspett ġustifikat u evidenza, mhux fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali.

Hawnhekk tidħol id-distinzjoni bejn l-approċċ li qed jipproponi Dr Agius Saliba u dak ta’ sorveljanza indiskriminata. Nistgħu ninvestu aktar riżorsi fil-pulizija u fl-aġenziji speċjalizzati fil-ġlieda kontra l-abbuż tat-tfal online. Nistgħu nsaħħu s-sistemi ta’ rapportar tal-pjattaformi, intejbu l-moderazzjoni u niżguraw kooperazzjoni aktar effettiva bejn il-kumpaniji tat-teknoloġija u l-awtoritajiet meta jkun hemm evidenza ta’ reat. Nistgħu wkoll ninvestu aktar fl-edukazzjoni diġitali sabiex it-tfal ikunu jafu kif jipproteġu lilhom infushom u fejn għandhom ifittxu l-għajnuna.

Dan huwa l-istess prinċipju li naraw fil-proposta ta’ Dr Agius Saliba. Minflok ma ngħidu li l-unika soluzzjoni hija li nikkontrollaw aktar lill-utenti, nistgħu nindirizzaw il-problema fil-qofol tagħha. Nistgħu nirregolaw disinji diġitali li jħeġġu użu eċċessiv, nistabbilixxu protezzjonijiet għall-minuri u nżidu r-responsabbiltà tal-pjattaformi, filwaqt li nibqgħu nirrispettaw il-privatezza u d-drittijiet fundamentali.

Għalija, din hija l-lezzjoni ewlenija. Il-privatezza mhijiex l-għadu tal-protezzjoni tat-tfal. Il-libertà mhijiex ostaklu għall-ġlieda kontra l-abbuż. U l-encryption mhijiex problema li għandna neħilsu minnha sempliċement għax il-ġlieda kontra l-kriminalità hija importanti. Is-soluzzjoni għandha tkun li nsibu modi aktar effettivi biex nipproteġu lit-tfal mingħajr ma nagħmlu ħsara lil dawk l-istess drittijiet li l-Unjoni Ewropea għandha tkun qed tiddefendi.

Għalhekk, il-proposta ta’ Dr Agius Saliba hija eżempju ta’ dak li nemmen li għandha tagħmel l-Unjoni Ewropea: tieħu problemi reali bis-serjetà, taġixxi kontrihom b’mod qawwi, iżda tagħmel dan b’mod proporzjonat, għax protezzjoni vera mhijiex sempliċement li telimina r-riskju akkost ta’ kollox. Protezzjoni vera hija li ssib soluzzjoni li tagħmel lis-soċjetà aktar sigura filwaqt li tirrispetta l-libertà u d-drittijiet tagħha.

Konklużjoni

Fl-aħħar mill-aħħar, nemmen li l-protezzjoni tat-tfal online ma tistax tibqa’ tiġi trattata bħala problema li nistgħu ninjoraw. Il-midja soċjali għandha post importanti fis-soċjetà tagħna u għandha ħafna aspetti pożittivi, iżda dan ma jfissirx li għandna naċċettaw kull mod kif dawn il-pjattaformi huma mfassla u operati. Jekk nafu li ċerti disinji jistgħu jħeġġu użu eċċessiv, jekk nafu li t-tfal jeħtieġu protezzjoni akbar u jekk nafu li l-pjattaformi għandhom responsabbiltà f’dan kollu, allura għandna naġixxu.

Huwa għalhekk li nappoġġja l-ħidma tal-MEP Dr Alex Agius Saliba għall-azzjoni Ewropea dwar età minima u disinji diġitali vizzjużi. Nemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tistabbilixxi regoli komuni, tiżgura infurzar effettiv u tagħmel lill-pjattaformi aktar responsabbli, filwaqt li l-edukazzjoni diġitali tibqa’ parti essenzjali mis-soluzzjoni.

Fl-istess ħin, ma rridux ninsew li l-protezzjoni tat-tfal ma tagħtix permess biex jiġu mdgħajfa d-drittijiet ta’ kulħadd. M’għandniex għalfejn nagħżlu bejn is-sigurtà u l-privatezza, bejn il-protezzjoni u l-libertà. Għandna d-dmir infittxu soluzzjonijiet li jirrispettaw it-tnejn.

Għalhekk, it-tweġiba għall-mistoqsija li għamilt fil-bidu hija sempliċi: iva, nistgħu nipproteġu lit-tfal mingħajr ma nissagrifikaw id-drittijiet fundamentali. Fil-fatt, għandna nagħmlu proprju hekk. Għax protezzjoni vera mhijiex li nneħħu l-libertà biex inħossuna aktar siguri; hija li nibnu ambjent aktar sigur filwaqt li nħarsu d-drittijiet li jagħmlu s-soċjetà tagħna ħielsa.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport