It-Teatru Manoel u Masquerade Malta ppreżentaw uffiċjalment il-produzzjoni Little Shop of Horrors, waqt konferenza tal-aħbarijiet li ttelgħet f’The Point, fejn ingħatat l-ewwel ħarsa lejn il-viżjoni kreattiva wara wieħed mill-aktar musicals klassiċi distintivi u popolari.
Il-produzzjoni, li se tittella’ mit-23 ta’ Ottubru sal-1 ta’ Novembru 2026, tlaqqa’ flimkien lit-Teatru Manoel u lil Masquerade Malta f’musical li jgħaqqad kummiedja, rumanz, fantaxjenza u elementi ta’ films tal-biża’ tat-tip B-movie, ma’ mużika magħrufa sew ta’ Alan Menken u kitba u lirika ta’ Howard Ashman. Din il-kollaborazzjoni tirrifletti l-impenn tat-Teatru Manoel li jippreżenta programm divers fit-teatru nazzjonali ta’ Malta, filwaqt li joħloq opportunitajiet għal produzzjonijiet lokali fuq skala kbira kif ukoll għal artisti u kreattivi Maltin.
Fil-qalba ta’ Little Shop of Horrors insibu lil Seymour Krelborn, assistent mistħi f’ħanut tal-fjuri li qed jissielet biex jimxi ’l quddiem, u li ħajtu tinbidel meta jiskopri pjanta misterjuża. Hekk kif il-pjanta, Audrey II, tibda tikber, Seymour isib ruħu jikseb attenzjoni u suċċess li ma kienx qed jistenna, iżda malajr jiskopri li biex jissodisfa l-aptit dejjem aktar perikoluż tagħha jrid iħallas prezz għoli. Tul aktar minn erba’ deċennji, il-musical kiseb popolarità u suċċess fuq livell internazzjonali. Il-mużika tinkludi siltiet magħrufa bħal Skid Row (Downtown), Suddenly Seymour u Feed Me (Git It), u tlaqqa’ flimkien mużika ispirata mill-Motown, kummiedja u orrur fi storja li tesplora l-ambizzjoni, ix-xewqa, l-imħabba u l-konsegwenzi li wieħed ifittex is-suċċess akkost ta’ kollox.
Id-Direttur Artistiku Anthony Bezzina tkellem dwar il-vjaġġ biex Little Shop of Horrors jittella’ fuq il-palk, mill-ewwel stadji tal-provi sal-mod kif il-mużika, il-wirjiet u l-elementi kreattivi differenti tal-produzzjoni ngħaqdu flimkien. “Li nagħtu l-ħajja lil Little Shop of Horrors kien vjaġġ eċċitanti għat-tim kollu. Din hija produzzjoni li teħtieġ taħlita b’saħħitha ta’ mużika, kummiedja, interpretazzjoni u rakkont viżiv, u kien ta’ sodisfazzjon kbir li naraw dawn l-elementi kollha jingħaqdu flimkien ftit ftit. Il-mużika hija ċentrali għall-produzzjoni, bil-kompożizzjonijiet memorabbli ta’ Alan Menken u Howard Ashman tagħti l-ħajja u r-ritmu lill-istorja. Issa qed inħarsu ’l quddiem biex nippreżentaw din il-produzzjoni lill-udjenzi fit-Teatru Manoel,” qal is-Sur Bezzina.
Waqt it-tnedija, il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel, Edward Zammit, enfasizza dwar l-importanza tal-kollaborazzjoni ma’ Masquerade Malta u li l-musical theatre jibqa’ parti mill-programm tat-teatru. “Bħala t-teatru nazzjonali ta’ Malta, it-Teatru Manoel għandu rwol importanti li jippreżenta lill-udjenzi programm li jirrifletti forom differenti ta’ espressjoni teatrali, u l-musical theatre huwa parti importanti minn dan. Il-kollaborazzjoni tagħna ma’ Masquerade tlaqqa’ flimkien l-esperjenza u l-ħiliet kreattivi taż-żewġ organizzazzjonijiet u tippermettilna nippreżentaw produzzjoni ambizzjuża f’dan it-teatru storiku. Little Shop of Horrors hija produzzjoni mimlija enerġija, b’mużika memorabbli u identità teatrali tassew distintiva, u bi pjaċir qed nilqgħu din il-produzzjoni u l-Masquerade Malta fuq il-palk tat-Teatru Manoel,” qal is-Sur Zammit.
It-tim kreattiv Malti huwa mmexxi minn Anthony Bezzina, bid-Direzzjoni Mużikali ta’ Kris Spiteri, il-Koreografija ta’ Valerie Burke, id-Disinn tal-Kostumi ta’ Simona Mamo, id-Disinn tal-Ħoss ta’ Sergio Costa u d-Disinn tas-Sett ta’ Adrian Mamo. Luigi Buhagiar se jinterpreta l-parti ta’ Seymour, flimkien ma’ Michela Agius bħala Audrey u Karl Bartolo bħala Audrey II. Fil-kast insibu wkoll lil Francesco Nicodeme bħala Orin, Rachel Fabri Camilleri bħala Crystal, Natassja Chapman bħala Chiffon, Abigail Maria Zarb bħala Ronette, Max Dingli bħala Mushnik u Miguel Rosales bħala parti mill-ensemble.
Ibbażat fuq il-film ta’ Roger Corman, bi screenplay ta’ Charles Griffith, Little Shop of Horrors sar wieħed mill-musicals favoriti tal-udjenzi bis-saħħa tat-taħlita mhux tas-soltu tiegħu ta’ umoriżmu, orrur, rumanz, mużika memorabbli u l-karattru spettakolari ta’ Audrey II.
Il-produzzjoni se tittella’ fit-Teatru Manoel mit-23 ta’ Ottubru sal-1 ta’ Novembru 2026.
Għal aktar informazzjoni u biljetti, żur il-websajt tat-Teatru Manoel.
