L-awtoritajiet kulturali fiż-żminijiet li qegħdin ngħixu fihom huma ta’ sostenn kbir biex il-kultura Maltija tissaħħaħ sostna tiġġedded u tisbieħ u saħansitra toħroġ ‘barra minn xtutna b’mod li sabet postha fil-qasam kulturali internazzjonali bħal pajjiżi magħrufin oħra. Bil-ħidma bla waqfien tal-Awtorità Kulturali u d-diriġenti tal-festi kollha Maltin irnexxielhom flimkien jgħollu l-festa Maltija fl-aqwa post fl-Ewropa, fil-UNESCO. Dan il-pass li sar b’għaqal u dedikazzjoni kbira kien maħsub u ġie mwettaq għall-ġid u unur għall-poplu Malti li f’dawn l-aħħar snin għadu ma waqafx bl-ideat tiegħu biex iġib il-kultura Maltija ‘lquddiem b’riżultati pożittivi li jkabbru l-identità ta’ kull raħal jew belt fejn jgħixu.
Mhux hekk nistgħu ngħidu għall-iżviluppatur li ġie mogħti l-permessi kollha biex lill-Foss Ruman u l-Buffer Zone tiegħu, jiġifieri r-Rabat Sacrum, jagħmel sfreġju minnu. Wara dawn il-permessi hemm sensiela ta’ allegati attentati li saru mill-iżviluppatur li bla waqfien, b’arroganza kbira u xejn rispett lejn il-kultura Rabtija se jazzarda jagħmel ħsarat kbar fejn fl-imgħoddi u issa kull Rabti għadu jirrispetta u jaħdem biex dan il-post sagru, fejn għex magħna SanPawl, jinżamm bla mittiefes.
Resident li tkellmu ma’ IT-TORĊA qalulna li “bħala diriġenti tas-Soċjetà ta’ San Pawl Festi Esterni, li jmexxi b’żelu kbir il-ħidma tagħha fil-maħżen tal-festa Pawlina, fejn tul is-sena kollha tarah miftuħ b’numru sabiħ ta’ żgħażagħ u diriġenti oħra ta’ esperjenza kbira, żgur qatt m’għaddielhom minn moħħhom li dak l-istess żviluppatur li kellu l-wiċċ imur il-maħżen tal-festa u jitlobhom biex idaħħal it-tower crane u jsorġieh fuq iż-żuntier bejn il-maħżen u s-sala parrokkali, ġie mogħti l-permessi biex jinbnew żewġ pixxini u żviluppi oħra ta’ kostruzzjoni fir-Rabat Sacrum.
Din it-talba, b’għaqal kbir u mingħajr tlaqliq ġiet rifjutata mill-ewwel mill-istess diriġenti. Mhux hekk biss talli avżaw b’din it-talba perikoluża lill-Arċipriet preċedenti li kien tal-istess fehnma. Dan hu l-iżviluppatur li ġie mogħti l-permessi biex jifqa’ l-Foss Ruman u l-Buffer Zone tiegħu li r-Rabtin isejħu bir-raġun kollu l-Foss ta’ San Pawl, il-post sagru.
Din kienet l-akbar offiża f’wiċċ iċ-ċittadini Rabtin kollha. Araw b’daqqa ta’ pinna x’jista’ jsir. Taħsbu li ż-żuntier jiflaħ tower crane ta’ dak il-kobor u toqol meta taħtu jinsabu l-passaġġi Rumani tal-ilma, oqbra u l-kannierja fejn qegħdin jistrieħu l-għeżież tagħna?”.
Tennew li “z-zuntier hu sit vulnerabbli u sensitti u fih insibu ukoll żewġ kappelli medjevali u l-Castellum Aque minn fejn is-sistema Rumana tal-ILma kienet taħdem, tikkontrolla u tqassam l-ilma lit-torrijiet fi-fortifikazzjonijiet tal-Belt Rumana Melitae. Minkejja dan kollu jinħarġu l-permessi kollha biex il-patrimonju Rabti nressquh lejn periklu imminenti ta’ ħsara rriversibbli. Fil-Kappella ta’ Santa Marija Penitenti nsibu daħla għall-passaġġi tal-ilma tas-sistema Rumana. Xi snin ilu bi traskuraġni ta’ xi ħadd fil-pjazza ta’ San Pawl, ma nafux min kien minħabba d-Data Protection, kellu l-ħsara fis-sistema tad-drenaġġ tiegħu u għax ma ġietx indirizzata, id-drenaġġ żbroffa fil-Kappella ta’ Santa Marija Maddalena b’riżultat li dan il-materjal daħal fil-passaġġi Rumani tal-ilma u kkontamina l-ilma tal-ispejjer kollha. Ir-residenti damu tlett snin iħallsu l-ilma tal-vit biex isaqqu s-siġar fil-ġonna tagħhom. Din il-ħsara ssewwiet bie-xogħol tal-ħaddiema żelanti tal-WSC li lejhom ir-residenti affettwati għadhom grati sa llum. Kienu l-uffiċjali tas-Sanità li taw lir-residenti ta’ madwar il-Foss Ruman, il-permess biex jerġgħu jużaw l-ilma wara li huma għamlu eżami sanitarju tiegħu. Dan l-episodju juri l-vulnerabbilità ta’ taħt l-art. “
Ir-residenti komplew jgħidu li “l-Kappella oħra hi dik ddedikata lil San Mikiel Arkanġlu, li d-daħla għaliha qiegħda fil-Kannierja tal-Bażilika ta’ San Pawl. Wieħed għandu jkun jaf li din qiegħeda preċiżament taħt l-artal ta’ San Mikiel kif tidħol fil-Bażilika fuq in-naħa tal-lemin. Il-benefatturi tal-knisja majestuża ta’ San Pawl, Cosmana Navarra, li bniet minn flusha dan it-tempju kienet obbligata mill-Kurja ta’ dak iż-żmein biex tiddedika artal lil San Michel preċiżament fuq il-kappella ta’ taħt.
Jekk din il-mara nobbli kinnet obbligata tagħmel dan b’rispett lejn il-kappella ta’ taħt tal-istess qaddis, kemm ir-Rabtin għandhom ikunu obbligati lejha u jipproteġu l-legat kollu li ħalliet għall-poplu Rabti. Dan hu r-Rabat Sacrum li għandna l-obbligu fuq l-eżempju ta’ din il-mara kbira li niddefenduh mill-iżviluppatur u dawk tal-istess fehnma tiegħu aħna konvinti moralment li jgħinuh biex iġibulu l-permessi ħalli jeqirdu dak li hu verament għażiż għalina r-Rabtin.
Żewġ toroq hemm minn fejn nistgħu nagħżlu waħda biss minnhom. Konvinti moralment li jista’ jkun hemm numru żgħir ta’ persuni li jgħinu biex b’kull mod joħorġu dawn il-permessi lill-iżviluppatur u jsiru sinjuri. It-triq l-oħra hi dik tal-verità, fejn għandna nagħtu l-attenzjoni lill-oġġezzjonijiet serji li jsiru u nisimgħu x’jgħid il-poplu Rabti fuq dawn il-permessi dubjużi u perikolużi li ngħataw.”
Enfasizzaw li “jeħtieġ li nieħdu l-passi neċessarji biex dan l-abbuż fuq ir-residenti li ġej mill-iżviluppatur jieqaf. Ma nistgħux nibqgħu passivi quddiem dak li hu ħażin. Ma tistax verbalment biss tirrifjuta l-ħażen imbagaħd talli l-ħażen ikun l-aħħar kelma bil-miktub.
Wara l-proposta li jsorġi t-tower crane fuq iz-zuntier proprjetà tal-knisja, jidher li dan ma kienx biżżejjed għall-żviluppatur. Għal darba oħra jerġa’ jittanta li jsorġi t-tower crane din id-darba fir-rokna ta’ Triq Sant Antnin u Triq Santa Marija b’riżultat li jqajjem rabja kbira fost ir-residenti ta’ dawn it-toroq. B’dan il-mod jittanta jilħaq ix-xogħol ta’ kostruzzjoni minn din in-naħa tar-Rabat għax jaf li mill-Isqaq Numru 1 ta’ Triq Sân Franġisk ma jistax jidħol għax protett u l-art iċċed kif ċediet għall-makkinarju li nbela’ fl-art meta kien dieħel biex jagħmel trinka fl-istess sqaq.
Dak inhar imxiet l-art u wieħed mir-residenti taż-żewġ villel fi Triq Borg Olivier stqarr li minn dak inhar ta’ dan l-inċident bdew jidhru l-konsenturi fid-dar tagħhom. Dawn meta infetħet it-Triq Borg Olivier minħabba kwantità ta’ ilma li niżel u minħabba l-konsenturi li diġa kellhom f’darhom, kellhom jiġu evakwati. Fl-istess inċident il-Kuvnent tal-Patrijiet Konventewali ġarrab ħsara konsiderevoli bil-ksur tax-xorok tal-garigor li qiegħed fil-kantuniera u nkixfu l-passaġġi tas-sistema Rumana tal-ilma li sfortunatament inkissrulhom ix-xoroq ukoll.
B’dan kollu nafuh u jafu bih l-awtoritajiet konċernati. Preżenti jispezzjonaw din il-ħsara kien hemm uffiċjal mill-Awtorità tal-Ippjanar u ieħor mis-Sovrantendenza tal-Wirt Kulturali. B’dawn il-permessi li ġew mogħtija lill-iżviluppatur jawgura biss ħsara irriversibbli u xejn iżjed. Ir-residenti taż-żewġ triqat imsemmija jiftħu petizzjoni kontra l-proposta ta’ dan l-iżviluppatur biex it-tower crane ma jsorġix f’din il-kantuniera.”
Komplew jgħidu li “r-residenti taż-żewġ triqat imsemmija kienu fetħu petizzjoni kontra l-proposta ta’ dan l-iżviluppatur biex it-tower crane ma jsorġix f’din il-kantuniera. Kif ġie propost it-tower crane kien jiġi mwaqqaf quddiem terzi jiġifieri quddiem id-djar tar-residenti u kien joħloqilhom inkonvenjenzi kbar. Il-bażi tat-tower crane kienet tagħlaq Triq Santa Marija u ħafna residenti ma kien ikollhom aċċess għaliha Minbarra dan f’dawn l-inħawi l-blat ta’ taħt hu ta’ natura dgħajfa u hemm biss saff irqiq ta’ blat li jiġi suġġett għal tagħbijiet kbar tat-tower crane.
Inżidu ma’ dan li 25 metru ‘lbogħod, fil-kantuniera ta’ Triq Santa Marija u Triq il-Konti Ruġġieru hemm il-preżenza ta’ katakombi rreġistrat bin-numru GN Number 766/98-Class B. Hawnhekk niġbdu l-attenzjoni tal-Ministeru tal-Kultura biex jipproteġi dan il-fattur arkeoloġiku ta’ importanza kbira. Ma ninsewx li d-dfin fi żmien ir-Rumani kien isir barra s-swar tal-belt il-qadima Melitae. Bil-permessi li nħarġu issa għal dan l-iżviluppatru, dan kollu ġie injorat kompletament. Lanqas is-Sovrantendenza ma ftakret f’dak li ġie propost mill-iżviluppatur u twaqqfu mill-bidu nett u ma tħalliehx ifaqqas bil-permessi mogħtija. Aħseb u ara kemm se jipproteġi s-sigurtà ta’ ħajjet terzi. Din tal-biki għal dank li waqgħu vittmi ta’ dan l-iżviluppatur.”
Qalu ukoll li “konvinti moralment li dan l-iżvilupp propost jikkonferma n-negliġenza fin-natura tal-assessjar jekk jiġi mwettaq fuq dawn l-inħawi fejn joqogħdu r-residenti. Hawnhekk jeħtieġ wieħed ikun jaf u moralment ikun infurmat li l-istudju ġeoloġiku magħmul minn kumpanija kien ġie limitat għal 2 metri biss fejn mill-inqas kien jeħtieġlu min għamlu jinżel 6 metri ‘lisfel. Dan ġibed ħafna suspetti. Dan qatt ma jista’ jissejjaħ studju ġeoloġiku.
Konsegwenza ta’ dan lit-terzi xeħithom f’inċertezza u biża’ kbir. Dan kien u għadu theddida għas-sigurtà ta’ ħajjithom. Moralment wieħed għandu jkun mgħarraf li dan l-istudju ġeoloġiku mitlub lill-iżviluppatur mill-Bord tal-EPRT preċidenti għadu s’issa qatt ma sar. Minkejja dan, inħarġu l-permessi kollha għal żewġ pixxini u tlett żviluppi fil-Foss Ruman u l-Buffer Zone tiegħu, il-post sagru għar-Rabtin, li kull sena jiċċelebraw ir-Rabat Sacrum. Nerġgħu intennu li biex it-tower crane ma jsorġix fil-kantuniera taż-żewġ triqat imsemmija r-residenti jiftħu petizzjoni kontra l-proposta ta’ dan l-iżviluppatur. Hawnhekk ta’ min isemmi l-oġġezzjonijiet tagħhom għat-twaqqif ta’ tower crane quddiem il-bieb ta’ djarhom.”
Komplew jgħidu li “hemmhekk jinsabu ħames metri ħamrija taħt dawn it-toroq. Hemm il-biża’ li tisfronda l-art. Hemm żewġ garaxxijiet li huma użati mis-sidien tagħhom. Skont il-liġijiet tas-Saħħa u Sigurtà, it-terzi għandhom ikunu protetti. L-iskola primarja u l-kindergarten qegħdin fil-viċinanza u t-tfal għandhom jiġu protetti minn dan il-periklu żejjed, mhux tas-soltu, tal-kostruzzjoni u l-użu tat-tower crane. Apparti dan, għaxar piedi ‘lbogħod minn fejn se jsorġi t-tower crane parti mit-triq kienet ċediet u kkawżat ħsara fil-proprjetà ta’ waħda mir-residenzi.
L-iżviluppatur jipproponi li l-makkinarjau tqil jgħaddi minn din il-parti partikolari ta’ Triq Santa Marija. Ir-residenzi ta’ dawn l-inħawi kollha għandhom kantina fejn taħthom jinsabu kaverni u passaġġi ta’ importanza arkeoloġika. Filfatt dawk ta’ Triq Sant Antnin imis direttament mal-Foss Ruman fejn taħthom hemm ringiela ta’ għerien ta’ importanza arkeoloġika u ambientali kbira. It-toqol tat-tower crane u l-makkinarju tqil jistgħu jikkaġunaw li jikkrollaw dawn id-djar. Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni li fin-natura tiegħu hu aħrax bla dubju jagħmel ħsara lill-passaġġi tal-ilma tas-sistema Rumana li jinsabu fil-Foss Ruman u l-iscarp tiegħu.
It-tower crane jikkaġuna ħafna inkonvenjenzi, waħda minnhom l-ħsejjes insapportabbli tiegħu meta jkun ir-riħ. Ir-Rabat hu wieħed mill-aktar postijiet fil-għoli fil-gżira tagħna. Ir-residenti jilmentaw mill-fatt li l-bajla tiegħu kienet se tkun ta’ periklu għar-residenzi iddur fuqhom. Ma’ dan wieħed irid jgħid li t-toroq mhumiex wesgħin. B’tower crane f’dawn it-toroq u makkinarju tqil it-traffiku ma jgħaddix b’mod normali. Triq il-Kulleġġ hi arterja prinċipali fir-Rabat u jekk it-traffiku jieqaf ikun ta’ periklu għan-nies għaddejjin u għat-tfal tal-iskola.”
Ir-residenti li tkellmu ma’ IT-TORĊA qalulna li “fil-konklużjoni tagħna nixtiequ nkunu nafu liema triq se jieħu l-iżviluppatur biex iħalli lir-residenti jgħixu fil-kwiet u fis-serenità. Minn naħa tal-awtoritajiet kemm huma lesti li jagħtu kompassjoni lil dawn l-imsejkna residenti li qegħdin ibatu mingħajr ma jistħoqqilhom. Nistennew lill-awtoritajeit jagħtu l-libertà lil terzi mill-poter ta’ dawn l-iżviluppaturi u li draw jumiljawhgom kif qegħdin jagħmlu.”
Tennew li “mingħajr studju ġeoloġiku kif għandu jkunu, li sal lum dan għadu qatt ma sar nistennew inċidenti agħar meta imxiet l-art fid-daħla ta’ l-isqaq ta’ San Franġisk, konsegwenza ta’ makkinarju tqil li kien se jħaffer trinka u tul dan l-isqaq kollu. Dan jaf bih il-Kunsill Lokali tar-Rabat, is-Sovrantendenza u l-Awtorità tal-Ippjanar. Araw x’jiġri jekk iħaffru għall-pixxini u għat-tlett żviluppi flimkien? X’se jibqa’ mill-Buffer Zone u l-ġid arkeoloġiku u ambjentali li hemm taħtu? Fejn hi l-protezzjoni għall-Patrimonju Rabti u għat-terzi? Meta l-Awtorità tal-Ippjanar aċċettat l-istudju tal-geo radar flok l-istudju ġeoloġiku li hu l-uniku studiu mitlub u aċċettabbli, nemmnu li l-Awtorità ressqet lil terzi lejn ir-riskju li jitilfu ħajjithom taħt u ġewwa djarhom infushom. Il-geo radar jurik biss x’hemm taħt l-art bħal dagħbien, u kaverni u qatt ma jieħu legalment u moralment il-post ta’ studju ġeoloġiku. Għal dawn ir-riskji kbar li hawn f’dan is-sit li għalkemm tevalwahom ma tistax tevitahom, ġew mogħtija dawn il-permessi lil dan l-iżviluppatur. Il-ħsara ma tmissx biss lir-residenti taż-żewġ sqaqien affettwati iżda ukoll f’toroq li r-residenti tagħhom qatt ma ħolmu li se jkunu f’daqshekk periklu meta nafu li fosthom hemm persuni b’diżabilità”.
Ir-residenti tennew li “għal dawn il-permessi ġew skartati intenzjonalment żewġ deċiżjonijiet maħruġin. Mill-Bord tal-EPRT fejn ċaħdet lil dan l-iżviluippatur il-permess biex jiżviluppa. Id-deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu tas-sena 2022 kontra l-iżvilupp tgħi dli dan l-iżviluppatur għamel studju ġeoloġiku li ma ssodisfax lill-Bord għax għamlu nieqes u ma tax tagħrif x’inu l-kuntest ġeoloġiku ta’ taħt id-djar li jrid jiżviluppa. Hawnhekk il-Bord sejjaħ lill-Foss Ruman bħala ‘monument. Bir-raġun u bil-ħeġġa kollha ta’ qalbhom ir-Rabtin ma jistgħux jiċħdu l-għeruq tagħhom Paolini u jħallu r-Rabat Sacrum jinqered bil-mod il-mod quddiem għajnejhom, la issa u lanqas fil-futur.”
