Friday, December 13, 2024

NIBQGĦU NEWTRALI?

Aqra wkoll

Aħna newtrali biex inkunu newtrali jew għax jaqblilna bin-newtralita` għax inħarsu aħjar lilna nfusna? Din mhix kwistjoni ta’ twemmin jew ta’ prinċipji iżda ta’ nteress nazzjonali. Aħna newtrali għax l-esperjenza għallmitna li fil-qagħda ġeografika tagħna jaqblilna nkunu newtrali u ma jkollna l-ebda bażi militari u navali fostna u ma nkunu fl-ebda alleanza militari.

Sas-sena li għaddiet tnejn minn kull tliet Maltin qalu li huma favur in-newtralita` u li jarawha ta’ ġid għal pajjiżna. Għadhom jaħsbuha kollha l-istess wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajina? Fil-Finlandja u fl-Iżvezja għal ħafna snin il-maġġoranza kbira tal-poplu wkoll kienet favur in-newtralita` u li ma jieħdux sehem f’alleanzi militari.

Iżda l-invażjoni tal-Ukrajina dawrithom favur li japplikaw biex jidħlu fl-alleanza militari tan-NATO. Imma ma jfissirx li għax il-gvernijiet u l-maġġoranza tal-poplu tal-Iżvezja u l-Finlandja għamlu hekk, aħna għandna nagħmlu hekk bilfors. Matul l-aħħar 30 sena l-Iżvezja u l-Finlandja bnew rabta mill-qrib man-NATO u ħadu sehem f’ħafna manuvri u laqgħat flimkien. Kull ma jonqoshom kien li jidhlu.

L-Iżvezja qed tgħid li għalkemm trid tidħol, ma tridx bażi militari tan-NATO fuq artha u lanqas armi nukleari. Naraw jekk il-Finlandja titlobx l-istess.

Interessanti li l-President Russu Putin qal li r-Russja m’ghandhiex problemi li dawn jidhlu fin-NATO sakemm in-NATO ma tpoġġix armamenti u truppi tagħhom fihom.

Irridu naħsbu b’moħħna u nqisu sew l-affarijiet u mhux sempliċiment nimitaw imma nagħmlu dak li jaqbel għalina. Kif għamilna meta qbilna li nkunu newtrali u bla ebda bażi militari barranija u bl-ebda sħubija fl-ebda alleanza militari għax irridu l-paċi għalina u għall-pajjiżi l-oħra.

Irridu naraw kif illum, fis-seklu 21, x’inhu l-aħjar mod biex inħarsu s-sigurta` tagħna u biex niddefendu l-interessi nazzjonali u l-valuri tagħna.

Għax jekk nitilfu s-sigurta` tagħna għax xi ħadd jiġi jheddidna u jattakkana, nitilfu kollox: ix-xogħol, id-demokrazija u d-dritt li mmexxu lilna nfusna.

F’pajjiżi oħra newtrali bħall-Awstrija, l-Irlanda u l-Iżvizzera wkoll għaddejjin diskussjonijiet dwar in-newtralita’ tagħhom, ukoll minħabba l-invażjoni tal-Ukrajina.

X’tgħid il-Kostituzzjoni

Meta niddiskutu n-newtralita` tagħna tajjeb inkunu nafu x’tgħid il-Kostituzzjoni tagħna:

“Malta hija stat newtrali li jrid attivament jilħaq il-paċi, is-siġurtà u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha billi jħaddan politika ta’ non-allineament u jirrofta li jipparteċipa f’kull alleanza militari.”

Żgur li “il-paċi, is-sigurta` u l-progress soċjali” ma jfissrux li tħalli lil xi ħaddieħor jattakkak u jaħkmek. Filwaqt li l-Kostituzzjoni tgħid li: “l-ebda bażi militari barranija ma titħalla fuq territorju Malti.” tgħid ukoll li jistgħu jiġu forzi barranin jekk Malta titlob li dawn il-forzi jiddefenduha għax ikun hemm theddida għan-newtralita`, is-sovranita` u l-integrita` territorjali tagħha jew biex tiġi segwita deċizjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda.

Dwar it-tarzna tgħid li ghandhom  “jintużaw  għal skopijiet  kummerċjali  ċivili,  iżda  jistgħu  wkoll jintużaw, f’limiti raġonevoli ta’ żmien u għadd, għat-tiswija  ta’  bastimenti  militari  li  jkunu  tpoġġew f’qagħda  li  ma  jistgħux  jiġġieldu  jew  għall-bini  ta’ vapuri;  u  skont  il-prinċipji  ta’  non-allineament  l-imsemmija  tarznari  jiġu  mċaħħda  lill-bastimenti militari taż-żewġ superpotenzi.”

Minn dak iż-żmien li nkitbu dawn il-kliem 35 sena ilu, id-dinja kemm u b’liema mod inbidlet biex aħna nneħħu n-newtralita` li servietna tajjeb s’issa? L-Istati Uniti baqgħet superpotenza. L-Unjoni Sovjetika ma baqgħetx teżisti u l-Federazzjoni Russa mhix superpotenza. Qed tissaħħah ħafna bhala qawwa dinjija ċ-Ċina.

Irridu naraw kif illum, fis-seklu 21, b’kif żviluppat u qed tiżviluppa s-sitwazzjoni internazzjonali fil-Mediterran u fid-dinja, x’inhu l-aħjar mod biex inħarsu s-sigurta` tagħna u biex niddefendu l-interessi nazzjonali u l-valuri tagħna.

Photo Caption : Il-kapitali Finlandiża Helsinki. Matul l-aħħar 30 sena l-Iżvezja u l-Finlandja bnew rabta mill-qrib man-NATO u ħadu sehem f’ħafna manuvri u laqgħat flimkien. Kull ma jonqoshom kien li jidhlu.

Irridu naraw kif illum, kif żviluppat u qed tiżviluppa s-sitwazzjoni internazzjonali fil-Mediterran u fid-dinja, x’inhu l-aħjar mod biex inħarsu s-sigurta` tagħna u biex niddefendu l-interessi nazzjonali u l-valuri tagħna.

Ekonomija

Sport