Tuesday, May 14, 2024

NIBQGĦU NIKKUMBATTU KULL FORMA TA’ VJOLENZA

Aqra wkoll

F’pajjiżna, ilna ħafna nisimgħu dwar il-vjolenza, mhux biss domestika imma wkoll b’mod inġenerali. Din mhix pjaga ta’ Malta biss imma aktar ma jmur aktar qed tidher f’pajjiżi Ewropej u anke lil hinn. Għalhekk jidher li l-vjolenza saret fenomenu li ftit li xejn nistgħu nsibu rimedju għaliha.

Jekk inħarsu lejn ix-xena internazzjonali, naraw li fl-Istati Uniti kompliet issir komuni ċ-ċirkostanza ta’ sparar tal-massa fejn jinqatlu bosta nies għal xejn b’xejn. Dan ukoll ġara fil-jumejn li għaddew fis-Serbja fejn f’żewġ separati nqatlu 22 persuna, nofshom ikunu tfal waqt il-lezzjoni fl-iskola tagħhom.

Fortunatament pajjiżna għalkemm iseħħu omiċidji, però dawn mhumiex bħal ta’ pajjiżi oħra. Minkejja dan, iżda xorta hemm bżonn l-isforzi kollha biex kemm jista’ jkun innaqqsu l-vjolenza minn fostna partikolarment il-vjolenza abbażi tal-ġeneru.

Dwar dan il-fenomenu l-Parlament Malti ospita seduta seduta speċifika fuq dan is-suġġett fejn ġiet diskussa l-vjolenza, kemm kontra n-nisa u kemm xorta oħra. L-attenzjoni partikolari kienet fuq l-irġiel u l-ġuvintur u x’sehem li għandu jkollhom biex din il-pjaga tiġi indirizzata u titnaqqas. Għaliex jekk naħsbu li din il-problema tista’ tiġi eliminata, inkunu qisna qed inħażżu fl-ilma, għaliex il-fatti juru li l-vjolenza domestika bħal donnha saret parti mill-kultura u daħlet fost ħafna nies, irġiel u nisa.

Dan jidher ukoll minn statistika lokali li ħarġet dan l-aħħar li turi kif fis-sena 2020 biss kien hemm 2,919-il każ ta’ persuni li sfaw vittmi ta’ xi forma ta’ vjolenza domestika fuqhom u li anke resqu għall-għajnuna.
Konxju ta’ dan kollu, u mhux il-ġrajja ta’ Malta biss imma ta’ pajjiżi oħra fl-Ewropa, il-Kunsill tal-Ewropa se jadotta linji gwidi ġodda li jiffokaw l-aktar fuq is-sehem li l-irġiel u l-ġuvintur jista’ jkollhom fil-politika tal-ugwaljanza bejn is-sessi bil-għan li tiġi miġġielda b’mod qawwi kull forma ta’ vjolenza, mhux l-inqas il-vjolenza domestika.

Kif għedna diversi drabi minn dawn il-kolonni, l-edukazzjoni sa miċ-ċokon hija kruċjali biex titrawwem kultura ta’ rispett u tolleranza li kulħadd għandu jkollu lejn ħaddieħor. Ir-rispett u t-tolleranza m’għandhomx japplikaw biss fejn tidħol vjolenza fiżika imma wkoll dik verbali u psikoloġika li żdiedet ħafna matul ix-xhur fuq bosta siti soċjali fejn tispiċċa l-aktar il-mibegħda politika f’dan il-pajjiż.

Sport