Wednesday, December 18, 2024

NIBŻGĦU GĦALL-MALTI GĦAX SE NITILFUH

Aqra wkoll

Ħadt gost immur l-Iskola Primarja sabiħa u spazjuża tal-Qawra naqra storja lit- tfal fl-attivitajiet ta’ ġimgħa marbuta mal-kotba. Ferħan bl-iskola li tant ħabbtitna biex nibnuha. B’kollox f’din l-iskola t-tfal ġejjin minn 54 pajjiż differenti. Dan qed iġib miegħu sfidi kbar: 15% biss tat-tfal għandhom iż-żewġ ġenituri Maltin. 62% oħra: iż-żewġ ġenituri ta’ nazzjonalità oħra. B’kollox 80% b’wieħed/waħda mill-ġenituri ta’ nazzjonalità oħra. 

Urġenza kbira kif se jiġu mgħallma bl-aktar mod effettiv il-Malti u l-Ingliż. Hemm bżonn ta’ kordinazzjoni sħiħa u appoġġ kbir mill-uffiċjali edukattivi u għalliema biex jiġu indirizzati sew dawn l-isfidi li minnhom jiddependi l-futur tat-tfal. 

Irridu nibżgħu għalih il-Malti. Huwa fil-periklu li jmut għax illum ħafna mit-tfal tagħna minn kmieni jużaw l-Ingliż/Amerikan fil-media soċjali. Ninkwieta li kif ngħallmuh lit-tfal qed indawruhom kontra l-Malti. Minn età żgħira għadna nimlewhom tagħlim bl-amment ta’ idjomi u regoli flok ngħallmuhomjieħdugost jużawh bħala ilsien ħaj kif ngħallmu l-Ingliż. 

Ilsienna huwa Mediterranju 

Kitibli l-Professur Alexander Borg: “Biħsiebni nikteb l-istorja tal-ilsien Malti. Hija storja kumplessa ħafna għax ilsienna mhux biss Għarbi+Taljan+Ingliż kif naħsbu tradizzjonal- ment. Ilsienna huwa lsien Mediterranju. Ngħidu aħna raġel li rridu ngħidu li hu minn tagħna (‘a nice fellow’), kemm jekk żgħir kif ukoll jekk kbir, ngħidu li hu ‘tifel tajjeb’. Ħadd li jitkellem l-Għarbi mhu se joħroġ b’espressjoni bħal dik, li hi fil-fatt mislufa kelma b’kelma mill-Grieg καλό παιδί bl-istess tifsira tal-Malti. L-esperjenza tiegħi nfittex fuq l-Għarbi Ċiprijott fetħitli għajnejja għall-influwenza tal-Grieg fuq il-Malti. 

Anki l-Għarbi li għandna fil-Malti huwa kumpless. Ġej mill-Għarbi li jitkellmu fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant kif ukoll rabtiet ċari mal-Għarbi tal-Andalusia. Jiena ċert li kien hemm  Spanjoli Misilmin li saru Nsara li kienu spiċċaw Malta meta ġew eżiljati minn Spanja fis-seklu 15. L-Għarbi li ġej mill-Afrika ta’ Fuq ma tindunax bih mill-ewwel u aktarx ġie ma’ dawk li ġew minn Mahdiyah fuq il-kosta tat-Tuneżija bħala baħħara jew vjaġġaturi bil-baħar. 

Fuq kollox imbagħad il-Malti fih ukoll rabtiet mal-Aramajk. Insara Sirjani li kienu jitkellmu bl-Għarbi u bl-Aramajk ħarbu lejn Mal- ta biex jeħilsu mill-persekuzzjoni tal-Misilmin (minn hekk ġej il-kunjom Saliba). 

Il-Professur Alexander Borg twieled Malta 81 sena ilu u qatta’ ħajtu jgħallem u jirriċerka l-Għarbi u ilsna semitiċi oħra f’universitajiet differenti f’għadd ta’ pajjiżi fosthom Malta, l-Iżrael, il-Ġermanja, l-Istati Uniti, id-Danimarka, l-Iżvezja u r-Renju Unit. 

Xi jgħid Trevor Żahra 

“Tassew interessanti dan il-kumment tal-Prof. Alexander Borg. Verament nieħu gost nara persuna tal-kalibru tiegħu tieħu dan l-interess kollu. Jiena kilt ilsieni ngħid li l-mod kif qed jiġi mgħallem il-Malti huwa skadut u artifiċjali. Minflok li lit-tfal ngħallmuhom IL-MALTI, qed ngħallmuhom DWAR il-Malti. Ma ngħidlekx kemm nirċievi ittri mingħand ġenituri li jistaqsuni (ngħidu aħna) “xi tkun iperbola?”… għax din tkun parti mill-HW tat-tifla… tifla ta’ 12-il sena! 

Jew jistaqsuni x’inhu n-nom mimmat minn “raqad”… għal tifel ta’ 10 snin. Jiġifieri qed nintilfu f’dawn l-irqaqat grammatikali u termini letterarji, waqt li għandna marda wisq aktar serja. Nistħajjilna qed nedhew inbajdu u niżbgħu d-dar, bla ma nindunaw li kullimkien mimli konsenturi. 

Jiena nemmen ĦAFNA fit-tagħlim tal-letteratura, għax kif taf int, din hija r-ruħ tal-lingwa. Iżda l-letteratura għandha, qabel jkollox, tkun ta’ pjaċir; letteratura li tqanqal u tipprovoka lill-qarrej… u mhux bil-għan li tiġi analizzata u miftuqa b’mod kliniku u biered. 

Jekk irridu li l-Malti jibqa’ ħaj, jeħtieġ li ngħallmu lit-tfal JITKELLMUH TAJJEB u nwarrbu fil-ġenb il-ftietaq grammatikali u tekniċi.” 

Dawn kollha huma kollha osservazzjonijiet interessanti ta’ min wieħed jixtarr. Jien fiduċjuż li s-sitwazzjoni se titjieb għax mill-informazzjoni li għandi fil-futur qarib dawk involuti fl-ippjanar se jibdew ix-xogħol li tant hu meħtieġ biex ikun hemm progress ukoll f’dan il-qasam. 

Ekonomija

Sport