Sunday, May 4, 2025

Nicole Brignone kienet ivvintat storja li missier ta’ żewġt itfal ġiegħla tieħu sehem f’attivitajiet sesswali

Aqra wkoll

Nicole Brignone, it-tfajla li din il-ġimgħa fil-Qorti xehdet li xi ħadd qalilha li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ħallas lil xi ħadd biex titpoġġa l-bomba li permezz tagħha inqatlet Daphne Caruana Galizia, kienet ivvintat storja li meta ta’ 15-il sena kienet fil-faċilità korrettiva YOURS fl-Imtaħleb, kienet imġiegħla tieħu sehem f’attivitajiet sesswali minn impjegat tal-istess Faċilità. 

Takkuża missier ta’ żewġt itfal

Fuq il-bażi ta’ din l-allegazzjoni, ir-raġel ta’ 52 sena, missier ta’ żewġ t’itfal kien ġie arrestat fis-6 ta’ Novembru tas-sena 2018 u mressaq il-Qorti jumejn wara. Madankollu ħames snin wara, fit-23 ta’ Ottubru 2023 il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit illiberatu minn kull akkuża, l-istess kif reġgħet għamlet l-Imhallef Consuelo Scerri Herrera fl-istadju tal-appell fid-9 ta’ April 2024.

Il-każ kollu beda meta Brignone, li kellha 15-il sena u kienet fil-faċilita korrettiva YOURS fl-Imtaħleb għax kienet kisret kundizzjoni imposta f’digriet tal-‘bail’ tagħha, qalet li għal diversi drabi r-raġel illi kien jaħdem bħala uffiċjal inkarigat mill-manutenzjoni, kien jidħol fuqha waqt li kienet tkun qed tinħasel u jistedinha tipparteċipa miegħu f’atti sesswali. 

Kienet saħqet li kellha tagħmel sess orali fuq ir-raġel għal madwar sitta jew sebgħa darbiet. Hija kienet anki semmiet il-post fejn suppost li seħħ dan kollu. Brignone kienet qalet ukoll li darba minnhom kienet bilqiegħda b’saqajha imtellgħin u wara li għaddielha xi kummenti r-raġel neżżgħalha s-shorts u daħħal subgħajh.

Kienet tieħu l-ismack u l-coke

Fil-Qorti l-akkużat spjega li kien ilu 23 sena jaħdem mal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Qal li meta kien imur il-YOURS kien jirraporta n-naħa tal-irġiel u jgħidulu fejn għandu jmur isewwi. Huwa kien imur in-naħa tan-nisa meta l-uffiċjali nisa kienu jgħidulu li t-tfajliet kienu ‘all clear’, jigifieri ried ikollu l-permess biex jidħol. Huwa ċaħad kompletament l-akkużi magħmulin minn Brignone.

Fil-Qorti sar magħruf li meta Brignone daħlet il-YOURS kienet tieħu l-ismack u l-coke u kellha pendenti 10 każijiet fuq serq, ġlied u reati konnessi mal-Pulizija. Minn xhieda mogħtija minn uffiċjala korrettiva sar magħruf ukoll li Brignone kien ikollha ħafna ġlied mal-uffiċjali korrettivi tant li ġieli anki ħebbet għalihom. Meta kienu jikkoreġuha kienet tkellimhom b’mod abbużiv, toffendihom,  tkellimhom pastaż u ssemmilhom il-mejtin tagħhom.

Matul il-proċeduri fil-Qorti xehdet persuna li kienet taħdem mal-akkużat li ddeskrivitu bħala bniedem eżemplari li meta tiġi bżonnu ssibu. Hija kkonfermat li qabel ma kien jidħol fid-division tan-nisa huwa kien dejjem iċempel u li sakemm l-akkużat kien ikun ġewwa hija kienet tibqa’ mal-priġunieri u jekk pereżempju kien idoqqilha t-telefon, kienet titolbu sabiex joħroġ u mbagħad jerħa’ jkompli wara li terġa’ tiġi lura hija.

Tmissnix għax nagħmillek bħas-Sir Joey

Minn xhieda ta’ żewġ uffiċjali ħarġu dettalji dwar każ ieħor li kienet involuta fih Brignone. Fit-8 ta’ Jannar 2019 inqala’ inċident fejn Brignone ma riditx tidħol fiċ-ċella għax riedet tpejjep sigaretti iktar minn kemm kien permess. Wieħed mill-uffiċjali qal li malli daħal fid-division l-ewwel kliem li qaltlu Brignone kien ‘ara ma tmissnix għax nagħmillek bħas Sir Joey, nitfgħek il-ħabs’. Fil-Qorti dan l-uffiċjal xehed li huwa fehem li qed jiġi mhedded li jekk jersaq lejha tista’ tirrovinalu karriera kif ukoll il-ħajja privata tiegħu bħala raġel miżżewweġ u tal-familja.

Uffiċjal ieħor qal li Brignone kienet aggressiva u meta marru l-uffiċjali nisa biex idahħluha fiċ-ċella bdiet tagħti bis-sieq u bl-idejn. Meta intervjena huwa u ġibidha minn idejha sa kemm fetah il-bieb taċ-ċella fil-preżenza tal-uffiċjali nisa u sebgħa uffiċjali oħra rġiel, Brignone bdiet takkużah li neżżagħha għarwiena. Hekk kif daħlet fiċ-ċella waqgħet ma’ l-art u bdiet tinża l-flokk waħedha biex turi li kien hu li neżżagħha. Brignone qalet lill-ufficjal ‘mur ara l-aħħar ġurnata t-tfal tiegħek għax m’intix ser terġa’ tarahom’. 

Mhux ħati

Minn rapport li kien sar minn esperta tal-Qorti kien ħareġ ukoll li viċin tal-post fejn Brignone allegat li kienet imġiegħla tagħmel l-atti sesswali kien hemm kamera li allura kienet turi ċ-ċaqliq tal-akkużat jew tal-vittma eżatt qabel jew wara li sar l-allegat fatt. Minkejja dan il-prosekuzzjoni imkien fil-proċeduri ma talbet li jiġu miħbura l-filmati minn din il-kamera. 

Fit-23 ta’ Ottubru 2023 il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit sabet lir-raġel mhux ħati. 

Fid-9 April 2024 kien imiss lill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li tagħti s-sentenza fl-istadju tal-Appel. L-Imħallef irrimarkat kif il-prosekuzzjoni m’akkużatx lir-raġel bir-reat ta’ stupru meta Brignone qalet li huwa daħħal subajh fil-parti vaġinali tagħha. Għall-Imhallef dan kien ifisser li l-prosekuzzjoni stess ma emmnitx lil Brignone. 

Tfajla b’karattru vendikattiv

L-Imħallef qalet li mill-fedina penali ta’ Brignone jirriżulta li ma kinitx ġdida għall-Qorti tant li kellha diversi reati reġistrati fuqha minkejja l-eta żgħira tagħha. Fil-fehma tal-Qorti dan saħħah it-teżi tad-difiża li Brignone bil-karattru vendikattiv taghha, ma kenitx ser tiddejjaq tiffabrika storja fil-konfront ta’ persuna li kienet innoċenti u dan bħala forma ta’ tpattija għax hija riedet tpejjep u kienet ilha tistaqsi lir-raġel għal lighter iżda dan dam ħafna ma tahielha jekk fil-fatt verament tahielha. 

L-Imħallef Scerri Herrera ikkonfermat is-sentenza tal-Maġistrat Stafrace Zammit u wkoll illiberat lir-raġel minn kull akkuża.

Minn naħa tiegħu l-eks Prim Ministru Joseph Muscat sejjaħ l-allegazzjoni li Brignone għamlet din il-ġimgħa fil-Qorti bħala gidba faħxija mill-bidu sal-ahhar u fakkar illi kien il-Gvern immexxi minnu li ġab l-esperti li permezz tagħhom inqabdu l-persuni li ammettew li wettqu r-reat fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia. Zied li huwa qatt ma kien informat b’din l-allegazzjoni mill-inkwirenti u qatt ma ntalab jixhed dwarha.

F’Novembru 2021 Brignone kienet akkużata li kważi sena qabel kienet ikkaġunat biża’ lil ommha li kienet se tintuża l-vjolenza kontriha u li insulentat, heddet jew inġurjat bi kliem jew b’mod ieħor lill-istess ommha. Eventwalment ommha kienet informat lill-Qorti li ma roditx tixhed kontra bintha u li kienet qed tirrinunzja għall-azzjoni kriminali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport