Sunday, May 19, 2024

NIĠBDU ĦABEL WIEĦED GĦAL SETTUR FINANZJARJU AĦJAR

Aqra wkoll

Wieħed mill-pilastri ewlenin li fuqhom isserraħ l-ekonomija Maltija huwa s-settur finanzjarju. Settur li minn mindu twaqqaf f’pajjiżna ma sab ebda kontroversja politika. Tant li kull Gvern mas-snin taw lil dan is-settur importanza speċifika bil-għan li jkompli jikber u jiżviluppa b’mod li jpoġġi lil Malta bħala hub finanzjarju fl-Ewropa. 

Iżda s-settur finanzjarju bħal kull settur ieħor jaffaċċja l-isfidi tiegħu u għalhekk wieħed irid joqgħod dwar x’kummenti jagħmel fuq dan is-settur. Ta’ min ifakkar hawnhekk illi ftit xhur ilu Malta tpoġġiet fil-lista l-griża tal-FATF, fejn kien maħsub li dan il-fatt se jkollu effett negattiv fuq is-settur finanzjarju. Fortunatament, dak li kien maħsub ma seħħx billi l-Gvern impenja ruħu bis-sħiħ biex jirrimedja s-sitwazzjoni tant li fi żmien rekord inħarġet mil-lista l-griża.  

B’sodisfazzjon ninnotaw li dan is-settur minkejja kull sfida li kien hemm baqa’ reżiljenti mhux biss fir-rigward ta’ dawk il-kumpaniji li kienu diġà stabbiliti imma wkoll pajjiżna wasal biex jattira aktar investiment barrani f’dan il-qasam.

B’konformità ma’ dan ftit tal-jiem ilu, il-Kabinett tal-Ministri, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, approva strateġija ġdida għas-settur finanzjarju bil-għan li l-ġurisdizzjoni ta’ pajjiżna tkun waħda aktar kompettitiva, sigura u fuq kollox kredibbli. 

Għandna għax nifhmu li din l-istrateġija, li ma tfasslitx mill-Gvern waħdu iżda bl-għajnuna ta’ aktar minn 100 professjonist f’dan il-qasam, se tkun qiegħda tagħti ħarsa estensiva lejn dik li hija l-viżjoni ta’ dan is-settur tant importanti għall-pajjiż. Dan billi neċċellaw fl-innovazzjoni, fil-qafas regolatorju b’saħħtu li diġà għandna u anke fit-teknoloġija.

Quddiem dan kollu, huwa meħtieġ li nibqgħu nindokraw dan is-settur tant kruċjali għall-ekonomija Maltija. Dan isir biss jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed u jitbiegħed mit-tmaqdir li ma jagħmilx ġid la lil dan is-settur u wisq aktar ma jagħmilx ġid lil pajjiżna. 

Sport